Saturday, November 17, 2012

Indipendenza ta' solitudni

Xhur ilu għallimt lili nnifsi kif inkun iktar indipendenti. Ma nserraħx fuq ħaddieħor. Imma mbagħad tant kemm issir iffissata, li tgħid 'le' għal ħafna affarijiet. Issib biex tagħmel l-affarijiet waħdek. Il-bniedem tużah biss għall-użu personali tiegħek. Tagħsar, u titfa' l-isponża lura fl-ilma meta jkollok bżonnha mxarrba. Kelma muftieħ: imxarrba. Apparti n-nejk, tibdel il-mod kif taħseb  tibda tagħżel x'jaqbel lilek u tippjana d-doppju minħabba li tħoss li ħaddieħor se jfallik u jerġa' jfallik, għax ħaddieħor hu toqol fuqek u mhux t'għajnuna.

Dal-aħħar il-mutur qed jagħtih u jagħmel li jrid bija... mingħalih. Qed ikolli nuża l-kick start għax bis-safe start joqgħod jiżhar u ma jixgħelx. Iżda, meta nagħmel il-kick start, ikolli nagħtih naqra gass imma ma nilħaqx nagħth mit-throttle*, allura jkolli bżonn lil xi ħadd jgħinni. L-ewwel darba li ġrali hekk din il-ġimgħa, leħaq ġie l-ġar jissendika u għidtlu x'għandu jagħmel. Ġieli jkun hemm sħabi. Illum wara x-xogħol għidt li se jagħmilhieli. Forsi qed jagħmel hekk 'ħabba l-kesħa jew għandi bżonn niċċarġja l-batterija, il-punt hu li mhux jixgħel. Miegħi x-xogħol ħadt it-tejp. Lestejt fin-12:30am fil-frisk tal-lejl, qed nilbes il-ġakketta u mort biex nixegħlu. Ma riedx jixgħel. Tajtu naqra gass, waħħalt il-biċċa tejp li l-ammont ta' gass li se nagħtih jibqa' hekk, u tajtu l-kick start, u xegħel qisu mhux hu. It-tejp sar suba' ta' persuna. Ma kelli bżonn lil ħadd jgħinni. Ma kienx hemm għalfejn ngħid lil xi ħadd tax-xogħol, li kienu erba' passi 'l bogħod. Waħdi. Indipendenti.

'Indipendenti' hu l-aġġettiv pożittiv li nagħtu għal meta tkun qed titgħallem issir solitarja u tipprova tinqata' min-nies biex ikollok inqas kuntatt bil-kliem u tnaqqas il-qsim tal-esperjenzi.

*throttle hija dik li ġġerriha 'l fuq u 'l isfel biex tagħti l-gass lill-mutur. Dik li tagħmel  'vħum vħumm'.

Saturday, October 27, 2012

Ħudu u ixorbu, dan hu Vodka.

Niftakarni nieħu l-aħħar erba' boqqiet mit-tazza li kelli quddiemi. F'daqqa waħda nħossni nqum minn fuq is-siġġu. Aħfirli Mulej, għax ma nafx x'jien nagħmel. Erġajt sibt ruħi quddiem il-bar. Xtrajt tazza nbid. Ngħolliha 'l fuq, inkellimha u ngħidilha "Tazza nbid, ma jistħoqqlokx tidħol taħt is-saqaf ta' ħal-" U qabel ma spiċċajt kliemi kienet diġà ltaqgħet ma' sħabha l-oħra fl-istonku. Jiena n-nagħġa l-mitlufa, li Ġesù qatt ma sab. Kont gidi meta ħrabt minn taħt idejh. Biss, ma kbirtx f'nagħġa, sirt muntun.

Ilħna tal-passat qishom riħ ivenven  il-patri waqt l-Omelija tal-Ħadd. "Sibtu lil Alla f'ħajtek?" Illum inwieġeb li sibtu, u rajtu. Rajtu kemm-il darba; rajt 'l Alla mal-art fuq il-bankina nitmiegħek; fis-sodda naqla' fuq is-saqqu, nagħlef lil-lożor... Flusi berbaqthom. Il-bint il-ħalja. Henjin il-foqra fl-ispirtu. Nara lil sieħbi ġej bi tray spirtu ta' xi ħaġa. Nieħu grokk ieħor li 'qas naf x'hemm fih u nħoss id-dinja ddur. Nagħfas għajnejja, ħaddejja u nqarras wiċċi. Vodka. L-ilma mbierek.  Hawnhekk sibt l-għaxqa tiegħi, għax għaxxaqtha.

Mumenti fejn ma tkunx konxja tal-eżistenza tiegħek u l-għada tqum bi ħjiel ta' x'seta' ġara. Kif il-mowbajl qiegħed fix-xawer. Għaliex qomt Eva mingħajr ma tħoss l-għadam. X'ħin sebaħ, l-art m'għarafthiex; ilmaħt biss l-imħadda. Irħejt idejja. Il-poppa kienet imfarrka. Meta ġejt f'tiegħi, sirt naf li l-gżira kienet soddti. Laqgħetni tajjeb ħafna. Imbagħad ikollok analessi ta' x'ġara fuq fuq. Timxi fid-dlam, tħoss sħana tielgħa ma' ġismek kollu. Tixgħel il-fann. Tinża'. Tintefa' fuq is-sodda bħallikieku "Mulej, f'idejk jien nerħi ruħi" u torqod b'ħalqek xott tistenna l-Apokalissi. "U min hu bil-għatx, ħa jiġi, ħa jieħu b'xejn min irid l-ilma tal-Ħajja."

Saturday, August 18, 2012

Wirdien.

Dal-aħħar xbajt li kull darba li nidħol flgħaxija biex indaħħal il-mutur fil-garaxx, insib xi wirdiena tirgħa minn fejn ngħaddi jien biex nipparkja. Dejjem ikolli l-Baygon lest ħdejn l-ixkafef imma ġieli tkun taħt l-ixkafef.

 Illum ipparkjajt, ftaħt il-garaxx, xgħelt u ġejt biex inqiegħed il-mutur, u nara ħaġa kannella miexja. Inġbidt lura u mingħajr ma ridt għajjatt "F'għoxx ommok" f'nofs ta' lejl. Il-Baygon qiegħed 'il bogħod. Il-wirdiena tista' ttir fuqek. Bdiet miexja 'l bogħod minni. Ġrejt għal Baygon u erġajt ħriġt barra mill-garaxx u nisprejja mill-garaxx għal ġewwa, dejjem inżomm erba' passi bogħod mill-qaħbeċ wirdiena biex f'emerġenza naħrab. Nisprejja u nisprejja u għal xejn. Waddabt il-bott tal-Baygon forsi nolqotha u ma mmirajtx sew, però waqqajtha minn fuq biċċa triplej li kienet qed titla' magħha. Spiċċajt mingħajr arma.

Tlajt niġri fuq inġib il-Piff Paff mill-bitħa. Inżilt niġri isfel. Il-Baygon li kont sprejjajt qabel beda jaħdem xi ftit, għax meta nżilt isfel, il-wirdiena sibtha żaqqha 'l fuq. Sprejjajt il-Piff Paff dirett fuqha u bdiet tagħti b'saqajha. Id-daqqiet bdew jonqsu ma' kull għafsa tal-isprej. Kelli urġenza kbira li nixgħel lighter quddiem il-Piff Paff nisprejja, imma kien hemm kwart ta' garaxx taħlita ta' sprej. Qed naħseb bejni u bejn ruħi kemm jagħmlu aktar ħsara lilna dawn l-isprejs milli lil din l-ispeċi li baqgħet ħajja u ma nbidlet b'ebda mod mill-attakki ta' Hiroshima. Waqfu saqajha u ġejja biex indaħħal il-mutur...

 Minn xi mkien ħarġet oħra. Sabbat iż-żewġ sprejs mal-art, tfejt il-garaxx biex suppost ma taranix il-wirdiena,  u qisni ħaġa belha għalaqt il-garaxx niġri. Il-mutur għadu barra.

Tuesday, June 19, 2012

Oatmeal.

Nagħlaq għajnejja u nara xjaten imlibbsa ta' nagħaġ, b'għajnejn bojod karti fi dlam imdawwal bil-ħażen. Għajn miġugħa b'viżjonijiet imċappsa bi trab u rmied ta' dwejjaq. Stonku jiekol arja mfarrka t'elf apatija u telqa. Qurriegħa mrammla tħokk b'uġigħ li jitriegħed ma' ġismi kollu. Daħq fieragħ fil-wiċċ ta' firda bejn ilbieraħ u llum. Tintefa' mal-art għax ma tiflaħx tiġbor lilek innifsek u titla' togħma qarsa. Tiftakar bil-jien li xi darba kont. Tħoss l-effett tal-bidla li seħħet ma' kull daqqa li tielgħa mill-istonku. Taqla' kull verità mgiddba li ġejt mbellgħa, ma' kull darba li ħsibt li qed tagħmel deċiżjoni tajba, meta ma' dik id-deċiżjoni ħadt triq li waslitek għal ħsibijiet preżenti. Ilma ħalli tifriska, ilma ħalli jsaffik u jnaddaf.

Idejn jixxejru qishom mogħoż jirgħu fil-ħaxix, 'il fuq u 'l isfel. Adorazzjoni ta' tagħlim li għoddsulek u fgawlek wiċċek ġo fih. Rasek tiksaħ, l-istonku jisħon u ttella' l-ikel mill-bir mal-ħabel tal-gerżuma li tħossu jinġibed 'l isfel għal barra. Tara l-istilel f'sema msaħħab u msewwed. Imġewħa għall-melodija tar-ruħ. Melodija li tagħmel sens; minn daqqa għal oħra, mhux minn daqqa soda għal waqfa qawwija f'nofs korus li ma tafx x'hemm warajh. Korus. "Ngħidu flimkien: Hawn jien, Mulej, ġej nagħmel ir-rieda tiegħek!"

Tqum. Terġa' tintefa' mal-art tistrieħ. Tintelaq. Tisma' kollox imma għajnejk ma jifilħux jinfetħu. Tibgħat il-messaġġ lil moħħok, iżda saħħa m'għadx għandek u ħeġġa għal xejn.

Saturday, April 7, 2012

Għakka

Iż-żmien imaxtar fin-nies. "Mur araha xi darba lin-nanna." Il-wiċċ kollu tikmix, viżjonijiet ta' mewt, il-fatt li ma tiftakarx min niġi, u r-riħa ta' kelb xiħ li għadu jifraħ bin-nies, jitla' miegħek u jilgħaqlek riħa ta' dlam is-swidija - timbuttani.

Kull darba nintroduċi min jien, "Maria, in-neputija, nan!" U titbissem daħqa ċassa ma tafx x'inhu jiġri madwarha, xorta ma tafx min jien, għajnejn jiffukaw fuq ix-xejn. Dmugħ ix-xjuħija jqattar minn għajnejha u nibqa' hemm ħdejha suppost naf x'għandi nagħmel, biex nikkonslaha. Imma kif nista' nikkonslaha jekk ma nafx x'inhi tħoss? X'suppost għandi ngħidilha? "Ibżax Nan, se tibqa' f'saħħtek". "Nitlob għalik", mingħajr ma naf kif nitlob jew għal xiex għandi nitlob.

Mara li dejjem nafha xiħa. Qisha twieldet xiħa biex ikun jisimha "In-Nanna". Biex timla d-definizzjoni ta' x'inhi nanna. U niftakar f'vokabularju li kienet tuża hi "Tan-nanna ħelu manna". "Ara sieqi għax hemmhekk kelli operation". Jien tifla ta' ħames snin naraha tibla' l-pinnoli u twissini "Il-pills ma neħodhomx għalxejn jien, il-pills ħżiena" u tibnili sur għal żgħożiti. U n-nanna l-oħra b'kultura totalment differenti. Waqt li hi tgħid mustarda, in-nanna l-oħra tgħid ħelwa. Il-fatt li tgħid "Daqq it-teleforn?", u mhux "telefown". Waqt li waħda ġġibilna l-ħelu, l-oħra l-frott, waqt li waħda bilqiegħda quddiem kaxxa tiċċaqlaq tara t-tisjir, l-oħra tmur tagħżaq. B'xi kelb jew qattus idur mad-dar u oħra bil-fniek li għada pitgħada konna nieklu ħajjithom.

Issa t-tnejn romol u nitħassar dak il-vojt li anki jien inħoss. Moħħi jiġri bija. Kif għad nispiċċa jien? Għad nilħaq sal-età tagħhom? Xi nkun qed nagħmel b'ħajti? Nistmerr it-tifla li jien stess kont? Niftakarni niknisilha l-ġnien, u bit-tbissima fuq fommha tlestili platt timpana li għalkemm bl-istess riċetta, t'ommi ma jintegħimx daqshekk tajjeb. Noħorġu ftit u kienet tintefa' bilqiegħda waqt li l-oħra taqta' l-ful u tqaxxar il-bajtar tax-xewk f'xemx traxxax.

Ma, Pa - niddejjaq immur, bħalma niddejjaq immur fi sptar, dak iċ-ċimiterju mimli ħajjin. Nistmerr dik il-ħaġa li għad insir u, fuq kollox diġà nistmerr lili nnifsi issa, meta nintebaħ li għandi passat jikber u futur sigarett.

Sunday, April 1, 2012

Il-bebbuxu

Bebbuxu jdur għal naqra xita f'soċjetà tqattar in-nixfa. Kliem għanqbut ta' ħluq meħjuta b'mentalità qarsa. Tagħlef il-ħmieġ. Irquqija ta' għarfien f'marda msemmija umanità. Ġismi jiksaħ u nitgeddes b'kutri ta' xewk. Għaliex għandi rrid affarijiet li għada pitgħada se jigirfuni u jħallu linji ta' ġrieħi li jibqgħu inemmnu bl-uġigħ? Fawra ma' ħaddejja ma' ħsieb il-biżgħa ta' x'għad jiġri minni nnifsi mingħajr ma ngawdi l-jien t'issa. M'għadnix ngħix fit-trabokk tal-passat imma ġrejt bija nnifsi u spiċċajt f'ferrovija ta' futur li għad iseħħ. L-issa diġà mejjet. Inħoss id kbira li minflok terfagħni 'l fuq u tgħollini, timbuttani 'l isfel u tissikkani qisni tapp insodd lili nnifsi. M'għadha xejn ħlief xulliefa li tiġbed minn ma' subgħak mingħajr ma trid, li taħraq ma' kull ħaġa li tmiss. Jew seqi li joqros u jieklok minn ġewwa. Tinbidel mingħajr ma taf.

Dik it-tifla li ma tgħid xejn ħlief ir-rużarju flgħaxija mal-familja tisħet kull qaħba sekonda li kielet biex irrealizzat bl-eżistenza assurda tagħha nnifisha. Aħjar għadha belha tiekol li jbellgħulha, milli tagħfas kull muskolu f'wiċċha bir-rabja ta' verità mgiddba. Il-bebbuxu nstab jipprova jinħeba ġol-ħajt tas-sejjieħ li bnewlu huma stess. Għallewh - għalxejn tbeżżlaq fil-borma u ħaddar l-ilma. X'tambi jkollok qoxra b'saħħitha meta xorta hawn forzi aqwa minn qoxortok?