Wednesday, February 27, 2013

Ġesù u Johnnie Walker

Fil-vaganzi tal-Milied li għadda kien haw' patri d-dar, ħabib tal-familja. Mort inġib xi affarijiet mill-mutur u kien qiegħed fil-garaxx jitkellem ma' missieri. Sellimtlu, u staqsa kif jien. Il-patri se nsemmuh Ġesù, għax hekk jew hekk jirrappreżenta lil Ġesù.

Ġesù: Kif aħna, Marì? Ilna ma narawk, eh!
Jien: Orrajt orrajt. Kollox sew? Il-Milied it-tajjeb, father.
Ġesù: Grazzi, grazzi. Ġejt nawguralek Milied hieni jien ukoll, għax m'għadekx tiġi tarana int; insejtna. Warrabtu lil Alla minn ħajtek, għax għandek ħabib ġdid issa...
Jien: Mela, mela...(pawsa) X'ħabib?
Ġesù: Uu, il-ħabib hux. Walker.

Ommi tħares lejja biex tara min hu l-ħabib ġdid li kien qed jitkellem fuqu, u jien aktar konfuża għax ma nafx għal xiex qed jirreferi.

Jien: Walker? Xiex, Walker Texas Ranger?
Ġesù: Lee, ħeħe. Johnnie Walker hux, il-whiskey.

Ommi tħares bl-ikrah. Jien inqarras wiċċi għax ma tantx jogħġobni l-whiskey u malajr kont se nwieġbu, "Le, iktar Tequila u Vodka nieħu ssoltu." Imma gdimt ilsieni, komplejt nidħaq miegħu u dawwart id-diskors fuq x'hemm lest għall-ikel. Ħadt l-affarijiet mill-mutur u tlajt 'il fuq.

Dakinhar flgħaxija, ħriġt ma' sħabi u morna sa Charles'. Tal-bar staqsieni x'ridt. Weġibt "Agħmilli Johnnie Walker."

Monday, February 25, 2013

Meet and Meat

Nistenna u niekol. Jien kelli wrap u l-oħrajn qed jistennew xi te jew kafè isfel. Niċċassa u niekol ir-wrap. Ikun hemm dat-tfajjel li dejjem tarah idur mal-Università u ssegwih b'għajnejk hu u jimxi minn ħdejk. Tarah il-librerija, tarah għaddej għall-canteen, u dejjem tieħu nifs b'qawwa 'il ġewwa u 'l barra ma' kull pass li jagħmel.

Qiegħda bilqiegħda fuq il-mejda f'ħanut fejn ir-wraps huma wisq għoljin għall-ħajja ta' student u li tħallas għall-VAT li qatt ma jagħtuk irċevuta tiegħu. Jerġa' jidher dal-proxxmu, l-istess wieħed li tara kważi kuljum li ma tafx x'jismu u ma tafx min hu, imma tafu. Tħares lejh u tissendikah. Tarah imiss dik it-troffa xagħar minn fuq ġbinu u jitbissem. Titpaxxa bix-xena u r-wrap tinżillek għasel. Jitilgħu sħabek bit-te u l-kafè li xtraw u jpoġġu. Tinduna li jkunu qed ikellmuk u int tkun aljenata. Issikkithom u tibqa' tosserva. Għadek qed tiċċassa lejh u għandu taħdita ma' sħabu. Tkompli tissendika mill-bogħod biex tara fuq xiex qed jitkellmu. Imbagħad jiftaħ ħalqu biex jitkellem, "Ija ta', that's exactly what I said last time infatti. It didn't make any sense during the lecture, jiġifieri. U jiena I told him..." Tkun qed tomgħod ir-wrap chewing gum li xtrajt, li sa ftit ħin qabel kienet l-itjeb wrap tad-dinja, (għalkemm fil-verità m'għandha ebda togħma) u li issa għandha togħma iktar qarsa minn dik ix-xamma tal-ħalib li kont insejt darba meta sifirt għal ħamest ijiem Londra u ġejt lura u sibt ġbejna f'tazza, b'naqra biċċiet ta' gallettini mwaħħda ġo fih li tfarrku u saru qishom il-bżar tal-ġbejna.

Illum narah u nkemmex xofftejja; mhux għax hu hekk, imma għax jien hekk u nintebaħ bil-marda patetika li qed ngħajjex lili nnifsi fiha. Kuntenta bil-gideb ta' gaġġa li bnejt lili nnifsi.

Saturday, February 23, 2013

Ġibed

"Fejn tlaqna? Ejja mmorru sa Prestige!"

Ġbidt xi flus u għalkemm kont għajjiena mix-xogħol u mlaħalħa minn xi shots li ħadna m'għand Bellini ftit qabel, segwejt il-merħla ta' Bendu. Ġibditni ħabibti ġewwa. Dħalna u l-fawra ta' għeluq u riħa ta' sigaretti tas-soltu ħassejtha bdiet teħel mal-ħwejjeġ u mal-irquqija ta' kull xagħra fuq rasi. Tħoss xebgħa dlik jeħel ma' saqajk u nies geġwiġija timbotta. B'naq'a ta' slipper li għandek, tħoss il-ħġejjeġ imfarrka ta' tazzi mwaqqgħa li saru dħin fl-art u li issa saru parti mill-qiegħ taż-żarbun.

Onġi onġi onġella, il-folla timbotta. Min ġie? Min ġie? Min ġie? Wieħed jgħawweġ u jgerrem xufftejh. Tipprova tiċċara l-viżjoni mdallma titpeċpeċ ma' kull għafsa tad-dwal ipetpet u tara lil kulħadd jagħmel l-istess movimenti. Għajnejn jiċċassaw fil-baħħ ta' moħħ li qed jara x-xejn kollu. Xofftejn jiltaqgħu u jiġġieldu u jitgemmdu. Niftakar wieħed għaddej jiġbed ir-ritratti ta' dan kollu. Jaqbeż minn folla għal oħra. Tfal jiġbdu dagħwa b'Alla, ħerġin mit-toilets b'subgħajhom f'ħalqhom jogħrku. L-istess swaba' li għenuhom jegħlbu l-uġigħ tas-snien li kibrulhom ilbiraħtlula. Inkompli ndawwar ħarsti nimla aktar stampi mċajpra. Inkejja bil-fomm u bl-ilsien, kulħadd jiġbed sieq xulxin. Qabda u ġibda sesswali.

...
Id-DJ bis-sigarett f'ħalqu
Jidderiġi d-diski hu.
Sewwa sew f'nofs ta' diska,
Xi ħadd ħassu ħażin,
Ma kellux min idur miegħu,
Daru miegħu d-dubbien.

Agħmillu linja,
Agħmillu linja,
Agħmillu linja ħalli jtir.

"Tlaqna x'imkien ieħor?" Dawra durella biex niftehmu. Ċuċċu trejn biex noħorġu. Qabża żigarella. Nies jintelqu. Kulħadd ċoff. Ċoff tal-bellus. Jien stess nintelaq aktar bin-ngħas li ftit ftit beda jħallini. Morna mkien ieħor fin-naħa l-oħra ta' Paċevill. Għalkemm kont naf li hemm ġibda għall-post l-ieħor, bqajt miexja nsegwi, u b'xi mod, illum qomt f'soddti mhux f'sikkti.

Friday, February 22, 2013

Penti mdewweb

Penti /ˈpɛnti/ n.m. (pl. pentis): qalziet ta' taħt għall-irġiel, nisa jew tfal.

Qomt, għadni nofsni mhux f'tiegħi mil-lejl ta' qabel, għal-lekċer tad-disgħa. Inżilt ninħasel u tlajt fuq biex nara x'ħa nilbes. Ma kellix pentis komdi għal ma' ġins u niftakarni nara l-komdi fil-kamra ta' ħdejn il-veranda. Neħħejt ix-xugaman minn miegħi u qbadt wieħed u ndunajt li kien għadu ma nixifx. Kien hemm il-ħadida, xgħeltha u ħallejtha tisħon. Poġġejt il-penti fuq il-mogħdija u għaddejt il-penti ħalli jinxef u nkun nista' nużah. Qed naħseb fuq kemm se nħossu cosy cosy miegħi, iktar u iktar meta bdejt niksaħ mingħajr xejn imdawwar miegħi. Neħħejt il-ħadida minn fuq il-penti u kelli parti mill-penti mdewweb mal-ħadida. It-tikketta tgħid 92% poliamida 8% elastico. Hawn ukoll li nista' ngħaddih. Fottejt penti mill-komdi, madankollu lbistu u tgeddist f'aktar ħwejjeġ. Lezzjoni: darb'oħra nuża hairdryer.

Thursday, February 21, 2013

Kejk taċ-ċikkulata mħarra

Ommi għandha l-birthdayn għada u bħalissa marru jaraw lin-nanna u jien spiċċajt waħdi d-dar. Ilħaqt xtrajt kejk miks, u xħin telqu bdejt inkewwes. Bajd, ħalib, marġerina u t-trab li xtrajt. Il-kejk kien qed jissajjar fil-forn wara li dellikt it-taġen biex ma jeħillix. Din li ma jeħillix ħadmet u xħin lesta qlajtu mingħajr ħafna problemi.

Jien belha u ridt li nitfa' l-icing li xtrajt fin-nofs tal-kejk minflok fuq, ħalli meta tigdem u jkun hemm dik it-togħma ta' icing taċ-ċikkulata ddub f'ħalqek li ma tkunx qed tistenna, il-kejk ikun iktar orgażmiku. Qsamtu min-nofs u ċaflast iċ-ċikkulata mal-biċċa li kelli fuq it-taġen. Dellikt. Ma qsamtux preċiżament min-nofs. Ridt indellek in-nofs l-ieħor u ndunajt li ma nkunx nista' nitfgħu fuq il-biċċa l-oħra sew, allura ħallejtha niexfa. Meta ġejt biex nagħmel il-biċċa l-oħra għal dik li kelli fuq it-taġen, indunajt li kelli bżonn krejn. Ġibt spatula u spatula oħra u qed nipprova nerġa' nagħlqu mingħajr ma jinqasamli. Ippruvajt inżommu b'idi u bdejt nitgħawweġ qisni ħaġa belha biex ma jinqasamx. Il-biċċa ta' fuq irnexxieli nqiegħdha fuq il-biċċa ta' taħt. Ma domtx wisq biex ninduna li kelli nneħħi idi minn bejn il-kejk. Ħriġt idi u kont qisni għadni kemm daħħaltha f'sorm ta' baqra. Ħarist lejn idi, stennejt din l-istampa titlaq minn moħħi, u ma stajtx. Xorta bqajt nimmaġinah poopie. Temmajt idi ma' ħalqi u lgħaqt.

Dan hu l-prodott finali li sabet il-mami. Bħalissa baqa' biss biċċa ċkejkna: