Tuesday, June 3, 2014

Li kieku jien Prim Ministru...

Li kieku jien Prim Ministru, nagħmel dawn ir-riformi:

  1. Ma tistax tkabbar il-ħamiem jew is-sriedaq jekk toqgħod f'żona b'xebgħa nies jgħixu bejt ma' bejt miegħek. Mhux talli tħammġilhom il-ħwejjeġ li jkunu għadhom kemm naxru b'xi ċappa ħara ta' ħamiemtek, imma ħadd ma jieħu gost iqum fl-erbgħa ta' filgħodu b'xi serduq, jew ma jorqodx bit-tgergir kull flgħaxija.
  2. L-arbli li għandkom fuq il-bjut biex toqogħdu tifirħu b'dik in-naqra bandiera kull nhar ta' Ħadd u fl-Irxoxt, tridu tagħmlulha dawra bil-foam magħha, ħalli fir-riħ, ma jkunx hemm ħsejjes ta' ħadid jiċċempel flimkien. Irritanti li ma nistax niftaħ tieqa għall-kwiet waqt li qed nipprova nagħlaq għajn m'għajn.
  3. Il-knejjes ma jistgħux idoqqu l-qniepen. Sur Kappillan, nixtieq narak b'hangover ta' Ġesù Kristu l-Ħadd imqaddes waqt li tqum b'dawk iż-żoġġ ta' qniepen (jew rekorder) kull nofs siegħa. Ptu!
  4. L-ispeeding cameras inneħħuhom kollha. Kulħadd iddejjaq li kull darba li nirranġaw triq u tiġi b'ħofor minimu, naħxuha b'camera. Biex nirranġa t-toroq ta' Malta, (li, pereżempju ma jkunux jiżolqu iktar fix-xemx milli fix-xita) irrid insir Prim Ministru xi 10 darbiet oħra, u ħajja waħda biss għandi (speċità għandi ħajja).
  5. Minflok cameras, jibda jiġi mmultat ir-riklamar li jkollu żbalji ortografiċi. Ir-riklami ta' fuq il-banners iridu jkunu nofshom bil-Malti u n-nofs l-ieħor bl-Ingliż. Jiġifieri, jekk hemm 20 banner, 10 minnhom ikunu bil-Malti, u l-10 l-oħra jkunu bl-Ingliż. Malta bilingwi. Ejja nħarsu l-kostituzzjoni sew. #talmalti (Hawnhekk qed indaħħlu aktar impjieg għall-qari tal-provi).
  6. Kull min jieħu iktar minn stessu wieħed fil-ġimgħa jkollu ċitazzjoni ta' €10 fuq kull ritratt. Nimmaġina li jkun hemm dawk l-għaxar boloh minn kull distrett li ma jistgħux jirreżistu jitfgħu wieħed kuljum.
  7. Jiġu ntaxxati t-tablets li jkunu mogħtija lit-tfal t'inqas minn 18-il sena. Tista' tħares lejha bħala liċenzja tat-tablets. Ladarba persuna ssir legali, jista' jkollha tablets kemm trid mingħajr ma tħallas il-liċenzja. Wara din l-età tista' fuckin' tibni dar bit-tablets for all I care.
  8. Kafè librerija ma' kull kilometrejn.
  9. Inħeġġu n-neoloġiżmu.
  10. L-istrip clubs ta' Paċevill: jinfetaħ wieħed li jkun jismu "Ġabha Ġojjelli Stripp Klabb". Hi iktar realistika minn "Gentlemen's Club". Ma naħsibx li gentlemen qed tintuża f'kuntest tajjeb, u tippruvax tespandi t-tifsira ta' gentlemen*.
  11. Min jikser xi liġi ċkejkna, ngħidu aħna jipparkja fuq linja safra, ma jkunx jista' jara l-World Cup/iċ-Champions League, il-Eurovision, jew joħroġ jiċċelebra l-festa tar-raħal/tal-belt tiegħu.
  12. Qabel ma jkollok il-liċenzja tal-karozza, trid iġġib il-liċenzja tal-mutur. Qabel ma ssuq mutur, trid tkun soqt rota tal-inqas xahar. Ir-rota tgħallmek tirrispetta lil ħaddieħor fit-triq u tinħoloq mentalità li, għall-inqas għal qadi, jintuża trasport li jniġġes l-inqas jew ma jniġġes xejn.
Però naħseb, li wara li nlesti dal-eżamijiet, nibqa' sejra dritt nirreġistra għax ħa nibqa' bla xogħol. 'Ġifieri dal-puntini, għalkemm ħafna minnhom huma ideali u jafu jagħmlu l-frott, huma biss kastelli fl-arja.

*Dan hu wieħed mill-ftit neoloġiżmi li ma jistax jiġi aċċettat.

Saturday, March 29, 2014

L-ipstar

X’għandek? ID number? Ok, se jgħajtulek minn Door 1. Inpoġġi u nixgħel il-laptop għax ġejt armata biex nistenna. Tfal jibku, nies bil-krozzi, wheelchairs, u iktar tfal jibku. Haw’, haw’. Lee, xi mmur xogħol immur, telagħli musmar bil-kontra t-Tnejn l'għadda. Użgur. Qalli li se jifqagħhuli. U tgħolli leħinha iktar mill-istorbju li haw’ fil-kamra tal-Emerġenza. Il-leħen ta’ Alla jgħajjat lin-nies jidħlu mill-microphone u jsejjaħ xi tabib. Xiħa fuq wheelchair tgħolli idha 'l fuq u 'l isfel, probabbli 'qas taf li qed tgħix. Tliegħeb u tbeżlaq. Il-ħajja tal-ostja, le? Trabi jibku. Raġel xiħ, b’dak il-leħen maħnuq kollu sigarri, il-mustaċċi sofor jitkellem fuq il-mowbajl jirraġuna bil-krozza u jxejjirha. Kulħadd iħarisli bl-ikrah għax ġibt l-imbarazz x’nagħmel u huma bored.

Jekk l-uġigħ li wieħed iħoss waqt li jkun qed jistenna mhux biżżejjed fl-Emerġenza, hemm it-televixin jagħti fuq il-Malti; TVM u noqogħdu nisimgħu ċ-ċapċip fieragħ ta’ Sibtek. It-trabi waqfu jibku għax l-omm li għandha mantell fuq rasha kollu labar qed ittemmagħlhom xi jowgurt, jew aħjar titmagħhom għax tidher li tħobbhom. Però, biss sekondi wara li spiċċaw jibilgħu, isabbtu jdejhom mas-seat vojt ta’ warajhom u jqażżu ringiela sħiħa ta’ nies bil-vibrazzjoni tad-daqqiet.

Jgħajtu ismi, kulħadd iħares lejja jgħir għalija u nqum ferħana qisni rbaħt xi ħaġa waqt li nħares madwari b’għajnejja jridu jgħidu, Ħaħa biċiss oqogħdu hemm. Imbagħad nagħmel naqra reality check u nimxi nzappap u mmur għal Door 1. In-ners timla xi karti u tgħidli biex nerġa’ mmur nistenna u jien kollni buri għax ħsibt li se nsib lil Ġesù u jagħmel miraklu fuqi u jfejjaqni.

Minħabba l-għażż u n-nuqqas ta’ ħajja soċjali li għandi, ma kellix aptit inqaxxar, allura qaxxart sieq waħda biss, però nirrealizza li jekk se jieħdu xi X-rays jew iridu jqabblu l-infiħ ta’ sieq man-nuqqas ta’ nfiħ fis-sieq l-oħra se jkolli ninża’ l-qalziet kollu u mhux qalza waħda. Amazing kemm jiflaħ jilħaqli moħħi. Jien ħa nkun bla qalziet, sieq sufija u sieq le. Waw. Mary Vella door 2. Ħeħeħe dortu. U fuq Sibtek  waħda tqaxxar id-diska, ridt ngħid, tħanxar id-diska ta’ Miley Cyrus, u jien haw’, nibqa’ nittortura lili nnifsi naqsam kamra ma’ nofs Malta.

Wednesday, March 5, 2014

Lingwa lingwini fuq l-ajruplan

Qiegħda fuq l-ajruplan, waħdi. Did-darba ma nista' naqbad koxxot ħadd mal-lemin tiegħi għax m'għandi 'l ħadd, u max-xellug hemm it-twejqa ħelwa li noqgħod nittawwal minnha u nbeżża' lili nnifsi mill-għoli. Qed intir għal Frankfurt bil-Lufthansa. Ta' studenta li jien u l-aħħar safriet tiegħi kienu bir-Ryanair, insejt li jagħtuk x'tiekol u x'tixrob. Għaddejjin tnejn bi trolì.

Tawni qisha bagetta sħuna, bil-ġobon, pesto, u falda perżuta. Ftaħtha u qed nikolha u niġbed il-ġobon imdewweb chewing gum. Wara xi ħames minuti reġgħu għaddew biex jagħtuna x'nixorbu. Staqsietni x'ridt bil-Ġermaniż, u la kellmitni bil-Ġermaniż għidt inqażżiżha u ngħidilha xi rrid. Xi bażi ta' Ġermaniż għandi, u għidtilha "Eh, Wasser, bitte." Ferratli. Tazza b'tixjù taħtha, u ħsibt li daqshekk.

Reġgħet fetħet ħalqha u qantli (naħseb li qantli hekk milli smajt li qalet lil ta' ħdejja li ma qagħadx jitqażżeż bil-Ġermaniż u qabad u qalilha xi jrid bl-Ingliż), "Vud ju lajk samsink els?" Però jien fhimt "Aħtung anung ja ja bitte bitte xebgħa kliem li ma tafx imqiegħda f'sintassi kumplessa għall-piżella l'int issejjaħ 'moħħ'?" Ħassejt li mistoqsija u biex ma naqax għan-nejk, għidtilha "Nein, danke."

ulied. in-nanna. venut. fl-amerki.

Ta' ħdejja ħa tazza ilma, u stennejt ħa nara x'se tgħidlu għat-tieni biċċa. Balleċċ! Ħa tazza nbid, xorobha, sakemm kien hemm oħra bi trolì u staqsieha biex terġa' timlihielu. Wara li reġgħu għaddew lura, reġa' ħa ġiex tazzi oħra. U jien bqajt bla Apfelsaft, jo' nbid, jo' x'ħaġa. Tan-nejk. Waqt li bdejt nitfewwaq it-togħma ta' pesto u nitnikket, ftaħt borża li ppakkjatli oħti kollha nomnoms u qgħadt ingerrem it-Tutti Frutti fid-dwejjaq u l-istupitaġni tiegħi.


Sunday, January 12, 2014

Il-ħofor tal-ajru

Fuq l-ajruplan lura għal Malta. Inpoġġi waħdi ħdejn it-tieqa u jiġu ġiex persuni ma nafx, jistaqsu hux inżomm post, u bħal waħda solitarja nwieġeb li le. Raġel oħxon, qsajjar bin-nemex fuq idejh. Bil-laptop magħluq fuqi u bi ktieb li ġibt miegħi biex suppost naqra qiegħda nħares u niċċassa fil-vojt. Tisħon il-magna tal-ajruplan u nibdew nippreparaw għall-ġirja tas-soltu u ninqatgħu mill-art. Tlajna fl-ajru u daqqet il-bozza li nistgħu nneħħu ċ-ċinga. Ding. Ftaħt il-ktieb u bdejt naqra naqra naqra. Qed inħoss l-ajruplan għaddej minn ħofor fl-arja u malajr nisma' li rridu nerġgħu nilbsu ċ-ċinga. Jien ma kellix bżonn nerġa' nilbisha, għax bqajt biha minħabba li nħobb inkun protected. Għadni naqra mingħajr ma nagħti kas ħafna ta' x'inhu jiġri madwari. In-narratur tal-ktieb ta' Vella Gera qed jirrakkonta biċċa fejn hu wkoll ikun 'il fuq fl-ajru. Jien u l-karattru kellna din komuni, li t-tnejn fl-ajru, allura kont qisni drugata niġbed il-linji b'għajnejja, jaqbżu min-naħa għall-oħra. Però l-linji tiegħi kienu tal-ittri.

Ta' ħdejja nisimgħu
jħaxwex jiftaħ sendwiċċ u nxomm ir-riħa tfuħ ta' tiġieġ Marks and Spencerjan mgħassed u jien għadni midfuna fil-ktieb. Jiftaħ il-bott u nisma' l-pxitt tal-gass ħiereġ minnu. Inxomm ir-riħa ħelwa ta' IRN BRU li tqallajt nixrob dawn l-aħħar jiem. Bis-sħab taħti qisha d-dinja meqluba ta' taħt fuq bil-baħar qisu sema, għadni naħseb għala ma qabadx u ħxieha lil Frances. Ja paċċu!

Inħoss tirbulanza. Is-sits jiċċekċku. Bu bumm. Ġieli nħossu ftit kbar u xi erpokits ċkejkna. L-istess esperjenza ta' meta tkun ħara f'soddtok wara lejl xorb qed tipprova torqod u d-dinja tħossha nieżla 'l isfel u int ma tistax tikkontrollha ħlief tipprova tagħlaq għajn m'għajn u titmellaħ bik innifsek li l-ħass ta' sturdament hu biss reali jekk taħseb fuqu.

Erġajna qed intiru mingħajr ħafna qbiż u waqt li qed nidra l-kalmezza tat-titjira ninżlu f'erpokitt. Bħalmeta toħlom ħolma li qed taqa' u qabel ma tmiss l-art tqum b'ħasda, imma did-darba mhix ħolma, u did-darba ma qomtx, imma ajruplan qed jinżel fix-xejn. Bejn l-aljenazzjoni tal-qari għax wasal biex jerġa' jiltaqa' ma' Frances, u l-aljenazzjoni li qed nipprova ninsa li qiegħda fuq ajruplan, ninħasad. Inserraħ idi x-xellugija nimbotta 'l barra lejn it-tieqa u bl-id l-oħra nitfagħha fuq l-armrest – mingħalija. L-armrest inħossha morbida. Ee? Wara ftit sekondi nħoss ras iddur, tħares lejja u nirrealizza li idi qiegħda fuq koxxet ta' ħdejja. Noice. Niftaħ ħalqi, nipprova noħroġ “Sorry”, imma kont ili ma nitkellem u ma ħarġet l-ebda tlissina. Minflok inħaqħaq u nerġa' ngħid l-istess ħaġa nkaħħal wiċċi mal-ħġieġa, nimlieha kollha fwar, inħares 'l isfel mit-tieqa rrid l-art tiblagħni. L-art kienet wisq 'l isfel biex tilħaqni u tiblagħni. Inħares lejn il-ħin u nirrealizza li baqagħli iktar minn erba' sigħat oħra lejn dal-persuna li bagħbast, bit-tfajla ħdejh tberraqli.