Friday, September 24, 2010

Tuesday, September 21, 2010

Ħa Majk :>

Jekk - Oliver Friggieri

Jekk tifhem x'jgħidu l-kwiekeb
lill-qamar tul il-lej',
jekk tagħraf minn fejn telaq
is-sħab, fejn sejjer, fej',

jekk tirfes kull mogħdija
u tterraq kullimkien,
jekk tkellem lil kull ħlejqa
li tikber fil-ħolqien,

jekk togħdos fl-ibħra kollha
u tmiss qiegħ l-oċean,
jekk titla' kull muntanja
u titfi kull vulkan,

jekk tifhem lil kull siġra
u tkellem lil kull fjur,
jekk torqod ma' kull dudu
u tqum ma' kull għasfur,

jekk tgħodd in-numri kollha
u taf kull alfabett,
jekk tħott kull teorema
u żżarma kull kunċett,

jekk togħxa b'kull tbissima
u tokrob b'kull uġigħ,
jekk toftoq il-kliem kollu
u ssib is-sens li fih,

jekk taf kif kien il-bidu
u kif se jkun it-tmiem,
jekk taf kull fuq, kull isfel,
kull wara, kull quddiem,

jekk taf għaliex kull għabex
iżelleġ kull żerniq,
jekk taf kemm hija twila,
kemm twila, twila t-triq,

jekk taf għaliex l-iżbalji,
u taf x'inhu perfett,
jekk taf għax serp jitkaxkar
u għax itir farfett,

jekk ittawwalt iżżejjed
fuq xifer il-ġibjun
tal-qalb biex issa ttella'
bis-satal x'hemm midfun,

jekk il-maltemp sikkittu
u lill-irjieħ raqqadt,
jekk l-ilmijiet nixxitfhom
u lin-nirien qabbadt,

jekk fhimt kull mistoqsija
u jekk kull ħalfa ħlift,
u jekk kull rebħa rbaħtha
u jekk kull telfa tlift,

- il-pétali tal-warda
waqgħulek minn idejk,
dan l-univers itektek
inqasam hemm, f'riġlejk.

Il-ħajja mistoqsija
miġbura f'elf għaliex
,
u ssirlek poeżija
jekk int ma tweġibhiex.

Thursday, September 16, 2010

Ma ħaqqekx, imma ħa!

Għollejtni mas-seba' sema
grazzi tat-tisbita.
Qalbi miksura,
u ħadd ma jista' jħitha.

Xi darba konna nitkellmu,
u issa żewġ stranjieri.
Qalbi miksura,
dak it-tfajjel ħallieni.

Ma rridx lilek, iżda
'l dak li jien ħabbejt.
Qalbi miksura,
minħabba t-tfajjel 'l inti ħbejt.