Kont miexja għad-dar mill-maħdem. Tlajt it-taraġ ta' Paċevill li minjaf kemm kiel remettar f'għomru, irħejtilha għall-venda u tajtha għal isfel f'dik in-niżla ta' qabel il-"Love". Bix-xalla mgeżwra m'għonqi, b'idejja ġol-bwiet tal-ġakketta, u biż-żipp tal-ġakketta mtella' sa fuq, imxejt ngħannaq lili nnifsi. Żgħażagħ inkonxjament ixenglu x-xorb f'idhom u b'għajnejhom ħomor daqs tadama misjura.
Jien u nimxi, nilmaħ waħda ċaflanga jżommuha xi tliet min-nies; bejn għax ħoxna, u anki għax maħta waħda sew. L-art kienet tiżloq. Kienu f'tarf il-bankina. Dawk li kienu qed iżommuha ma kinux aħjar minnha. It-tfajjel, li aħjar insejħulu "maskili" (għax tfajjel għalija hu meta jkun hemm wieħed fih qabda), waqt li jipprova jżomm bilanċ bejn x'qed tgħidlu siequ x-xellugija ma' x'qed tgħidlu siequ l-leminija, qal "haaaaaww maannn, ħa npoġġi x'imkien għax ħa naqa' mal-art taaa'". Telaq lill-mara tal-fertilità u tkaxkar bħal serp biex iżomm ma' xi taraġ li kien hemm. It-taraġ kien jiżloq. L-art kienet tiżloq. Spiċċaw iżommu liċ-ċaflanga żewġ tfajliet irqaq għuda minn dawk li jilbsu brazzuletta bħala ċintorin. L-istikek ma felħux lil ħabibthom-una.
Iċ-ċaflanga waqgħet minn fuq il-bankina. Koxxtejha l-imlaħħma, jew aħjar l-imxaħħma għolew 'il fuq qishom bnadar waqt mass meeting. L-istikka żelqet żelqa qisha ħadet rikba fuq xi slajd tal-iSplash and Fun u ġibdet tnej' bil-Madonna hi u tiżżeraq. Ippruvat tqum. Ollej irnexxielha! Ovvjament irranġat xagħarha u tfarfret mill-ħmieġ li ntreda' mal-libsa sewda li kellha nkaxxatha mal-għadam tagħha, u ppruvat tibqa' dritta mingħajr ma terġa' tieħu żelqa.
X'għamilt jien? Rajt li ħadd ma waqa' fuqi, u rringrazzjajt lill-art imxarrba talli żelqitli tbissima fuq fommi. Tgezzizt aktar, qanfidt rixi u komplejt triqti.