Għandi (Eħe xorta preżent ħa nuża) ħuta Molly u dejjem kont qed naraha titqawwa, tant li kienet qisha qed tegħreq daqskemm kienet qed tiħxin u titqâl. Insomma u għidt li aħjar nixtrilha breeder qabel ma' twelled li għandha u jispiċċaw jittieklu mill-oħrajn. Ridt insalvahom.
Dalgħodu qabel mort l-iskola ttawwalt fl-akwarjum, tfajtilhom xi frak u kienu kollha ħelwin u ferħanin jomogħdu. L-imtaqqla refgħet ġisimha 'l fuq u kielet ukoll. Spiċċajt l-iskola u ddeċidejt li nitla' s'għand tal-ħut u nixtri li kelli bżonn. Meta wasalt id-dar, qiegħda ferħana narma dan il-breeder mal-mejda tal-ikel u nirranġa fih u nwaħħallu dawk li jintredgħu mal-ħġieġa tal-akwarjum. Breeder ħelu u ċkejken. Ridt inżanżnu, għalhekk tlajt fuq u sejjaħt lil ħija biex nagħmluh flimkien. (Iva, ħassejt li kienet group /pair? activity.)
Fittixt il-Molly it-tqila iżda ma sibthiex. Ippruvajt infittex wara l-ftit ħaxix li għandi, iżda kollu ta' xejn. Il-Molly l-irqiqa biss kien hemm. Ħsibtha faqqsithom u ma lħaqthiex, imma le; agħar minn hekk. Insibha wara l-filter, f'wiċċ l-ilma. Mietet. Qas ħaqq it-€2.20 li nfaqt!