Iż-żmien imaxtar fin-nies. "Mur araha xi darba lin-nanna." Il-wiċċ kollu tikmix, viżjonijiet ta' mewt, il-fatt li ma tiftakarx min niġi, u r-riħa ta' kelb xiħ li għadu jifraħ bin-nies, jitla' miegħek u jilgħaqlek riħa ta' dlam is-swidija - timbuttani.
Kull darba nintroduċi min jien, "Maria, in-neputija, nan!" U titbissem daħqa ċassa ma tafx x'inhu jiġri madwarha, xorta ma tafx min jien, għajnejn jiffukaw fuq ix-xejn. Dmugħ ix-xjuħija jqattar minn għajnejha u nibqa' hemm ħdejha suppost naf x'għandi nagħmel, biex nikkonslaha. Imma kif nista' nikkonslaha jekk ma nafx x'inhi tħoss? X'suppost għandi ngħidilha? "Ibżax Nan, se tibqa' f'saħħtek". "Nitlob għalik", mingħajr ma naf kif nitlob jew għal xiex għandi nitlob.
Mara li dejjem nafha xiħa. Qisha twieldet xiħa biex ikun jisimha "In-Nanna". Biex timla d-definizzjoni ta' x'inhi nanna. U niftakar f'vokabularju li kienet tuża hi "Tan-nanna ħelu manna". "Ara sieqi għax hemmhekk kelli operation". Jien tifla ta' ħames snin naraha tibla' l-pinnoli u twissini "Il-pills ma neħodhomx għalxejn jien, il-pills ħżiena" u tibnili sur għal żgħożiti. U n-nanna l-oħra b'kultura totalment differenti. Waqt li hi tgħid mustarda, in-nanna l-oħra tgħid ħelwa. Il-fatt li tgħid "Daqq it-teleforn?", u mhux "telefown". Waqt li waħda ġġibilna l-ħelu, l-oħra l-frott, waqt li waħda bilqiegħda quddiem kaxxa tiċċaqlaq tara t-tisjir, l-oħra tmur tagħżaq. B'xi kelb jew qattus idur mad-dar u oħra bil-fniek li għada pitgħada konna nieklu ħajjithom.
Issa t-tnejn romol u nitħassar dak il-vojt li anki jien inħoss. Moħħi jiġri bija. Kif għad nispiċċa jien? Għad nilħaq sal-età tagħhom? Xi nkun qed nagħmel b'ħajti? Nistmerr it-tifla li jien stess kont? Niftakarni niknisilha l-ġnien, u bit-tbissima fuq fommha tlestili platt timpana li għalkemm bl-istess riċetta, t'ommi ma jintegħimx daqshekk tajjeb. Noħorġu ftit u kienet tintefa' bilqiegħda waqt li l-oħra taqta' l-ful u tqaxxar il-bajtar tax-xewk f'xemx traxxax.
Ma, Pa - niddejjaq immur, bħalma niddejjaq immur fi sptar, dak iċ-ċimiterju mimli ħajjin. Nistmerr dik il-ħaġa li għad insir u, fuq kollox diġà nistmerr lili nnifsi issa, meta nintebaħ li għandi passat jikber u futur sigarett.