Wednesday, February 27, 2013

Ġesù u Johnnie Walker

Fil-vaganzi tal-Milied li għadda kien haw' patri d-dar, ħabib tal-familja. Mort inġib xi affarijiet mill-mutur u kien qiegħed fil-garaxx jitkellem ma' missieri. Sellimtlu, u staqsa kif jien. Il-patri se nsemmuh Ġesù, għax hekk jew hekk jirrappreżenta lil Ġesù.

Ġesù: Kif aħna, Marì? Ilna ma narawk, eh!
Jien: Orrajt orrajt. Kollox sew? Il-Milied it-tajjeb, father.
Ġesù: Grazzi, grazzi. Ġejt nawguralek Milied hieni jien ukoll, għax m'għadekx tiġi tarana int; insejtna. Warrabtu lil Alla minn ħajtek, għax għandek ħabib ġdid issa...
Jien: Mela, mela...(pawsa) X'ħabib?
Ġesù: Uu, il-ħabib hux. Walker.

Ommi tħares lejja biex tara min hu l-ħabib ġdid li kien qed jitkellem fuqu, u jien aktar konfuża għax ma nafx għal xiex qed jirreferi.

Jien: Walker? Xiex, Walker Texas Ranger?
Ġesù: Lee, ħeħe. Johnnie Walker hux, il-whiskey.

Ommi tħares bl-ikrah. Jien inqarras wiċċi għax ma tantx jogħġobni l-whiskey u malajr kont se nwieġbu, "Le, iktar Tequila u Vodka nieħu ssoltu." Imma gdimt ilsieni, komplejt nidħaq miegħu u dawwart id-diskors fuq x'hemm lest għall-ikel. Ħadt l-affarijiet mill-mutur u tlajt 'il fuq.

Dakinhar flgħaxija, ħriġt ma' sħabi u morna sa Charles'. Tal-bar staqsieni x'ridt. Weġibt "Agħmilli Johnnie Walker."