Sunday, August 21, 2011

Ħolm antipatku

Meta toħlom ħolma li tant iddejqek li x'ħin tqum tħossok qisek ma rqadtx. Ħolma li tfottilek raqda u ma jkollokx kontroll fuqha. Xi jumejn ilu qomt fl-erbgħa ta' filgħodu. La qomt, mort sal-loki nbul u erġajt dħalt norqod. Siegħa u nofs wara erġa' qum għax-xogħol, kurnuta.

Għalaqt għajn m'għajn u ntlift. Ma nafx kif jaħdem il-ħolm. Għamilt siegħa u nofs noħlom li qed nissortja l-ittri u nipprepara mal-kollegi biex infittxu mmoru nqassmu. Fil-ħamsa u nofs stenbaħt b'"and I might drink a little more than I should, tonight." u l-leħen antipatku tar-radju.

B'għajnejn imperrċa mort naħsel wiċċi u bdejt nilbes. Tlaqt 'il barra fid-dlam ta' jum ġdid. Wasalt ix-xogħol u nsib kaxex fuq kaxex ta' ittri bojod, bla ħajja bħali, jistennewni. Daqsxejn ta' ittra li probabbli għandha aktar essenzjalità minn ħajti. Karti fuq karti. Triq in-ngħas. Triq kemm ħa norqod. Triq qum u aħdem. Triq il-bagħal tas-sienja. Dar il-ħolm.

Mentalment ħdimt siegħa u nofs aktar jien u ma tħallastx għalihom. Diġà ġratli ħolma simili. Għaxar snin ilu. Il-Ħadd, qabel qomt - ħlomt li mort il-quddies. Ħlomt il-quddies kollha. Il-patri li ssoltu jqaddes, l-Evanġelju repetut. Il-parabboli li minjaf kemm-il darba dwew mal-ħitan għolja tat-tempju...

"Mar qum minn hemm għal tat-tmienja u nofs."
"Ma rridx" għidtilha mqanżħa.
"X'tagħmel?! Qum minn hemm-issa!"
"Diġà mort, ma."
"Mhux vera. X'ħin?"

Ftaħt għajnejja u weġibtha "Ħlomt li mort il-quddies. Kont hemm int ukoll, bilqiegħda ħdejja. M'hemmx għalfejn immur, lanqas int!"

"Dik ma tgħoddx għax ħolma."
"Imma kienet bil-Vanġelu u b'Omelija twila, u tqarbint ukoll!"
"Tiftakru l-Vanġelu?"
"Le, imma jekk immorru xorta mhux se niftakru wara, allura m'hemmx għalfejn."

Għereżijiet minn fomm bintha? Mara tant reliġjuża u familja magħquda tant m'Alla! Kif jista' jkun jidħol dan il-ħażen f'ċellola li kienet tagħmel parti minnha din il-mara? Bagħtitni nilbes, u jien bgħattha tieħdu bil-mod li kont naf dak iż-żmien - jiġifieri b'ħafna qrid, u għidtilha biex tixtrili ċikkulata.

Il-qrid ma ħadimx dakinhar, u snieni l-Ostja u l-patata l-forn biss gidmu.