Kienet kwieta waħidha, u mort biex nagħtiha qatgħa minn wara. Jien u miexja nkiss inkiss, smajtha thewden "Jaqblu ta', eżatt jaqblu dal-purtieri mal-kulur tal-ħajt; jgħidu li jridu." U mort minn warajha u ħsadtha - mhux biss bil-qatgħa imma għax indunat li qbadtha titkellem waħidha. U nfqajt nidħaq biha. Mhux l-ewwel darba li qbadtha titkellem waħidha.
Għalija kulħadd jitkellem waħdu, tifel ta' għaxar snin, mara xwejħa ta' tmenin sena u fuqhom, u anki jien. Ma niddejjaqx ngħidha. Ma nafx għala, imma li titkellem waħdek, fis-soċjetà ħafna drabi titqies bħala xi ħaġa li jagħmluha n-nies li m'humiex f'sikkthom. Hawn min jagħmilha ovvja, oħrajn qas jintebħu li qed jagħmluha, waqt li oħrajn jagħmluha f'qalbhom u jien nipprova naqra x'qed jaħsbu bl-atti li jkunu qed jagħmlu.
Pereżempju, dal-aħħar inkun fuq tal-linja nosserva l-azzjonijiet tan-nies. Rajt waħda tgerfex fil-basket. U f'qalbi għidt li din qed tfittex xi ħaġa. U bdejt ngħid, forsi ċ-ċwievet, il-mowbajl? Ħarġet iċ-ċwievet. Dak il-ħin, f'moħħha kienet qed tgħid xi ħaġa hekk probabbli: "Fejnhom iċ-ċwievet? Daħħalthom jien? Il-liba tgħidlix li se nibqa' barra llejla." U meta sabithom probabbli moħħha qal "Fjuw".
Ġieli nkun għand tal-ħanut ħdejn xeba xkafef, u naqbad lil xi ħadd jitkellem waħdu "Fejnu t-ton taż-żejt? Le, dan tal-brine." U nħares b'ħarsa stramba lejhom, u jiħmaru. Li titkellem waħdek tgħajjat mhix ħaġa tal-mistħija, qas li qed tgħid kemm int imxennaq għal ħaxja - hemmhekk forsi tkun naqra imbarazzanti l-ħaġa.
Fuq kollox jien hawnhekk qed nitkellem waħdi. Jien u ntektek bit-tastiera qed nitkellem waħdi. Int, waqt li qed taqra, qed titkellem waħdek u qed tgħaddi kummenti dwar dak li qed tisma' f'moħħok. Facebook stess jgħidlek bi kliem ħelu "What's on your mind?", minflokk, "Tkellem waħdek - kulħadd jagħmilha". M'iniex ngħid li Facebook qanqal dan il-bżonn biex il-bniedem jitkellem waħdu. Il-bniedem stess qabbad dan il-bżonn lilu nnifsu, għax imxennaq għal komunikazzjoni ma' xi ħadd jew xi ħaġa. Sieħbi li naħseb ikellem 'il-ħut tiegħu, jien li numanizza lill-għasfura, Tom Hanks f'Cast Away ikellem lill-ballun u saħansitra jagħtih isem, u ommi li tagħti ġudizzju dwar il-purtieri li se tfassal.