Nistenna u niekol. Jien kelli wrap u l-oħrajn qed jistennew xi te jew kafè isfel. Niċċassa u niekol ir-wrap. Ikun hemm dat-tfajjel li dejjem tarah idur mal-Università u ssegwih b'għajnejk hu u jimxi minn ħdejk. Tarah il-librerija, tarah għaddej għall-canteen, u dejjem tieħu nifs b'qawwa 'il ġewwa u 'l barra ma' kull pass li jagħmel.
Qiegħda bilqiegħda fuq il-mejda f'ħanut fejn ir-wraps huma wisq għoljin għall-ħajja ta' student u li tħallas għall-VAT li qatt ma jagħtuk irċevuta tiegħu. Jerġa' jidher dal-proxxmu, l-istess wieħed li tara kważi kuljum li ma tafx x'jismu u ma tafx min hu, imma tafu. Tħares lejh u tissendikah. Tarah imiss dik it-troffa xagħar minn fuq ġbinu u jitbissem. Titpaxxa bix-xena u r-wrap tinżillek għasel. Jitilgħu sħabek bit-te u l-kafè li xtraw u jpoġġu. Tinduna li jkunu qed ikellmuk u int tkun aljenata. Issikkithom u tibqa' tosserva. Għadek qed tiċċassa lejh u għandu taħdita ma' sħabu. Tkompli tissendika mill-bogħod biex tara fuq xiex qed jitkellmu. Imbagħad jiftaħ ħalqu biex jitkellem, "Ija ta', that's exactly what I said last time infatti. It didn't make any sense during the lecture, jiġifieri. U jiena I told him..." Tkun qed tomgħod ir-wrap chewing gum li xtrajt, li sa ftit ħin qabel kienet l-itjeb wrap tad-dinja, (għalkemm fil-verità m'għandha ebda togħma) u li issa għandha togħma iktar qarsa minn dik ix-xamma tal-ħalib li kont insejt darba meta sifirt għal ħamest ijiem Londra u ġejt lura u sibt ġbejna f'tazza, b'naqra biċċiet ta' gallettini mwaħħda ġo fih li tfarrku u saru qishom il-bżar tal-ġbejna.
Illum narah u nkemmex xofftejja; mhux għax hu hekk, imma għax jien hekk u nintebaħ bil-marda patetika li qed ngħajjex lili nnifsi fiha. Kuntenta bil-gideb ta' gaġġa li bnejt lili nnifsi.