Monday, April 15, 2013

Tuba xtrat tubu


Mela lbieraħ flgħaxija waqt li qed nissortja xi imbarazz, telaq it-tubu u beda jpetpet. Kien id-dlam, jien għajjiena, u l-ħin jagħfas biex fl-aħħar nidħol norqod. Xgħelt il-lampa ta' fuq rasi ħdejn is-sodda, u dħalt norqod. Dalgħodu 'qas biss xgħelt il-kamra. Bażikament ma kellix bżonn nixgħel, għax fit-tmienja u nofs ta' filgħodu mhux ħin in-nies u xorta kont għadni rieqda jien u nilbes. Ippakkjajt u tlaqt għal-lesson tad-9.

Wasalt lura d-dar. Għamilt naq'a spagetti, kiltu u tlajt fuq f'kamarti. Xgħelt. Xegħel, intefa', xegħel intefa'. Petpet. Oh, fuck me.  Ftakart li lbieraħ flgħaxija mar it-tubu. Inżilt isfel, ġibt sellum, qlajt l-istarter, qlajt it-tubu u mort għand taż-żebgħa. Qed nistenna wara raġel, u tal-ħanut ħareġ mill-ħanut iġiblu xi xaħx u sadattant ir-raġel tax-xaħx kellu bil-fors jibda konverżazzjoni miegħi... "Dak, dak taf għala jinqata' hux? Għax toqgħod titfih u tixegħlu." Qbadtni, kemm nieħu gost nitfih u nixegħlu, istja! X'lussu noqgħod nixgħel u nitfi t-tubu. Sħabi fil-fatt kienu sejrin jixorbu l-ġimgħa d-dieħla u se ngħidilhom li ma nistax għax se noqgħod nixgħel u nitfi t-tubu d-dar. Aħħħ. Weġibtu li fil-kamra jkun u ħafna drabi mixgħul. "Eh, mela għamlu żmienu. Ħeħ. Ħeħ." What a freakin' idiot! Xaħx kemm għandu. Ġie lura tal-ħanut u l-għoxx induna li tah ftit. Dan tax-xaħx qal lil tal-ħanut biex jaqdi lili l-ewwel. Yay!

Għidtlu li ma nafx jekk marx mill-istarter jew mit-tubu u qalli biex xorta nagħmel starter ġdid. "Tal-erba' dak?" U mar 'il ġewwa tal-ħanut.  Ġie lura, "eh stenn, tal-ħamsa dak." U reġa' mar. U reġa' ġie. Tax-xaħx jifhem f'kollox u qed igedwed xi ħaġa fuq jekk hux tal-erba' jew tal-ħamsa. Ħallastu u tlaqt 'l hemm. Wasalt id-dar, deffist l-istarter il-ġdid fit-toqba, ibbilanċjajt lili nnifsi fuq is-sellum imżellaq fuq it-tapit u permezz tal-qsurija tiegħi rnexxieli nwaħħal it-tubu. Ma kontx naf x'se nagħmel bl-istarter l-ieħor għax kien jaf għadu tajjeb u infatti hu, so tfajtu fit-toqba l-oħra fejn ma kellix starter, imma kien hemm tubu. Xgħelt, u xegħlu ż-żewġ tubi. Bażikament stajt ma xtrajt xejn u nbiddel l-istarter fit-toqba l-oħra. X'jien tuba! Meh, issa kull darba li nixgħel il-kamra jkunu qishom qed jinfetħu l-bibien tas-sema.