Saturday, February 23, 2013

Ġibed

"Fejn tlaqna? Ejja mmorru sa Prestige!"

Ġbidt xi flus u għalkemm kont għajjiena mix-xogħol u mlaħalħa minn xi shots li ħadna m'għand Bellini ftit qabel, segwejt il-merħla ta' Bendu. Ġibditni ħabibti ġewwa. Dħalna u l-fawra ta' għeluq u riħa ta' sigaretti tas-soltu ħassejtha bdiet teħel mal-ħwejjeġ u mal-irquqija ta' kull xagħra fuq rasi. Tħoss xebgħa dlik jeħel ma' saqajk u nies geġwiġija timbotta. B'naq'a ta' slipper li għandek, tħoss il-ħġejjeġ imfarrka ta' tazzi mwaqqgħa li saru dħin fl-art u li issa saru parti mill-qiegħ taż-żarbun.

Onġi onġi onġella, il-folla timbotta. Min ġie? Min ġie? Min ġie? Wieħed jgħawweġ u jgerrem xufftejh. Tipprova tiċċara l-viżjoni mdallma titpeċpeċ ma' kull għafsa tad-dwal ipetpet u tara lil kulħadd jagħmel l-istess movimenti. Għajnejn jiċċassaw fil-baħħ ta' moħħ li qed jara x-xejn kollu. Xofftejn jiltaqgħu u jiġġieldu u jitgemmdu. Niftakar wieħed għaddej jiġbed ir-ritratti ta' dan kollu. Jaqbeż minn folla għal oħra. Tfal jiġbdu dagħwa b'Alla, ħerġin mit-toilets b'subgħajhom f'ħalqhom jogħrku. L-istess swaba' li għenuhom jegħlbu l-uġigħ tas-snien li kibrulhom ilbiraħtlula. Inkompli ndawwar ħarsti nimla aktar stampi mċajpra. Inkejja bil-fomm u bl-ilsien, kulħadd jiġbed sieq xulxin. Qabda u ġibda sesswali.

...
Id-DJ bis-sigarett f'ħalqu
Jidderiġi d-diski hu.
Sewwa sew f'nofs ta' diska,
Xi ħadd ħassu ħażin,
Ma kellux min idur miegħu,
Daru miegħu d-dubbien.

Agħmillu linja,
Agħmillu linja,
Agħmillu linja ħalli jtir.

"Tlaqna x'imkien ieħor?" Dawra durella biex niftehmu. Ċuċċu trejn biex noħorġu. Qabża żigarella. Nies jintelqu. Kulħadd ċoff. Ċoff tal-bellus. Jien stess nintelaq aktar bin-ngħas li ftit ftit beda jħallini. Morna mkien ieħor fin-naħa l-oħra ta' Paċevill. Għalkemm kont naf li hemm ġibda għall-post l-ieħor, bqajt miexja nsegwi, u b'xi mod, illum qomt f'soddti mhux f'sikkti.