Ħa nibda niddeskrivi t-temp. Kulħadd jaf kif kien illum, bard, u riħ u silġ żgħir (li jgħidulu "hail" bl-Ingliż mhux "snow") u insomma bażikament kienet ilha ġurnata sħiħa l-istess, speċjalment ir-riħ. In-nies ir-riħ drawh, imma malli bdiet traxxax ix-xita, daqshekk għamlu. Panik fit-triq u kulħadd iferfex u jlebbet.
Niekol platt ċips u nivvinta x'qed jingħad fuq it-televixin (għax l-istazzjon kien Tork) ma' sieħbi. Kelli għonqi mdawwar biex nara t-televixin, iżda fl-istess ħin stajt nara mir-rokna ta' għajni x-xellugija; minn taħt il-għajn ħa - la hemm espressjoni apposta. Sadattant ix-xita nieżla gelgul. Il-karozzi jitkellmu bejniethom b'dak il-ħoss ta' raxx huma u għaddejjin mit-triq. Nieħu ċipsa u noqgħod ingerrem fiha.
Kieku xi darba jivvintaw mument fejn tista' tmur lura għalih, immur lura għal dan il-ħin u nieħu filmat ta' dan li ġej, biex nagħmel time lapse. Nara wiċċ jaħbat mal-ħġieġa tal-bieb u nisma' karba ta' uġigħ. Diċ-ċiniża ħabtet, baqgħet dieħla fil-ħġieġa bil-fixla tax-xita. Jista' jkun li ġiet Ċiniża wara li ħabtet mal-ħġieġa? Ma nafx imma ħadet daqqa tal-Ġesù Kristu! Imneħirha ċċattja żgur. Ninfaqgħu bid-daħq; hi biex ma tħosshiex daqshekk skomda, u aħna għax ma flaħniex inżommu.
Qed tordna u togħrok wiċċha "Yes, chickon breast witch chips qend qohh it hurts so much. ahh, yes some soss pleasa too" Jien u ta' miegħi nitnejku u għadna mifqugħa bid-daħq u nifirħu li rajna dan l-avveniment iseħħ fil-ħajja u mhux fuq biċċa film. Żaqqi bdiet tuġgħani, naħseb kabbart six pack infatti. Telqet u baqgħet togħrok wiċċha. Imbagħad waqafna nidħqu.
Sten, sten, fadal! Għadni ngerrem iċ-ċips bil-mod. Ir-ragħad barra beda jinstema' aktar u x-xita titqawwa. Il-ħġieġ triegħed u għamel ħoss ta' sajjetta kbira jew xi ħadd reġa' daħal fil-ħġieġa. Indur u nara xi raġel b'daqna oranġjo jogħrok wiċċu. Il-plakka tad-dwal tal-Milied waqgħet minn fuq il-ħġieġa, il-batteriji nqalgħu u ġew ħdejn saqajja. Uejja, mela qatt ma rajt xi ħaġa hekk isseħħ, u rajtha darbtej' f'temp ta' għaxar minuti?! Imnalla kellu vista ħażina għax kieku kien ikisser nuċċali f'għajnejh. Hekk kien jiġi
Grazzi xita, ili ma nidħaq hekk!