Friday, November 26, 2010

L-isfortunata


Dubbiena ddur u ddejjaq lil kulħadd u tara ħafna idejn jixxejru. Poġġiet u ma għadhiex tara idejn jixxejru. F'ħakka t'għajn issib ruħha f'post mudlam, u ftit sekondi wara tara raġġ ta' dawl. Tħoss lil xi ħadd jagħfasha. Bis-swaba' tinġibed il-ġewnaħ ta' din il-povra-ħaqqha dubbiena. Tħoss biċċa minnha tinsteraq.

Imwaddba mal-art fuq mejda kwieta, id-dubbiena taqbeż u toqmos, tipprova ttir, iżda ma tistax. Toqgħod siekta fuq il-mejda, tniżżel ilsienha minn ħalqha u tilgħaq li ssib. Taħsel idejha, u s-saqajn ta' wara. Iddur biex taħsel il-ġwienaħ iżda ġewnaħ nieqes. Tgħolli sieqha 'l fuq forsi tħoss il-ġewnaħ imma għalxejn. Jinsab mejjet mal-art bħal dawk il-ħafna biljetti fuq tal-linja. Mormija u bla użu. Tigranfa bħal wiżgħa ma' ħajt il-mejda u tibqa' waħidha mingħajr ma ddejjaq lil ħadd, għax għandha l-problemi tagħha. Għadha bit-tama li forsi jikbrilha ġewnaħ ieħor. Ma tafx kif il-ġewnaħ sparixxa. Tħossha stramba, xi ħadd neżżgħalha dak li jagħmilha dubbiena. Ma tistax iddejjaq lin-nies aktar. Daqshekk qabżet minn karozza għal oħra. Daqshekk taret aktar f'ħajjitha. Kienet ilha minn mindu kienet dudu tkabbar il-ġwienaħ, iżda ma tistax terġa' tmur lura għal dak id-dudu li xi darba kienet. In-natura ħaditilha dak li xi darba hi stess kienet tatha.