Xhur ilu għallimt lili nnifsi kif inkun iktar indipendenti. Ma nserraħx fuq ħaddieħor. Imma mbagħad tant kemm issir iffissata, li tgħid 'le' għal ħafna affarijiet. Issib biex tagħmel l-affarijiet waħdek. Il-bniedem tużah biss għall-użu personali tiegħek. Tagħsar, u titfa' l-isponża lura fl-ilma meta jkollok bżonnha mxarrba. Kelma muftieħ: imxarrba. Apparti n-nejk, tibdel il-mod kif taħseb — tibda tagħżel x'jaqbel lilek u tippjana d-doppju minħabba li tħoss li ħaddieħor se jfallik u jerġa' jfallik, għax ħaddieħor hu toqol fuqek u mhux t'għajnuna.
Dal-aħħar il-mutur qed jagħtih u jagħmel li jrid bija... mingħalih. Qed ikolli nuża l-kick start għax bis-safe start joqgħod jiżhar u ma jixgħelx. Iżda, meta nagħmel il-kick start, ikolli nagħtih naqra gass imma ma nilħaqx nagħth mit-throttle*, allura jkolli bżonn lil xi ħadd jgħinni. L-ewwel darba li ġrali hekk din il-ġimgħa, leħaq ġie l-ġar jissendika u għidtlu x'għandu jagħmel. Ġieli jkun hemm sħabi. Illum wara x-xogħol għidt li se jagħmilhieli. Forsi qed jagħmel hekk 'ħabba l-kesħa jew għandi bżonn niċċarġja l-batterija, il-punt hu li mhux jixgħel. Miegħi x-xogħol ħadt it-tejp. Lestejt fin-12:30am fil-frisk tal-lejl, qed nilbes il-ġakketta u mort biex nixegħlu. Ma riedx jixgħel. Tajtu naqra gass, waħħalt il-biċċa tejp li l-ammont ta' gass li se nagħtih jibqa' hekk, u tajtu l-kick start, u xegħel qisu mhux hu. It-tejp sar suba' ta' persuna. Ma kelli bżonn lil ħadd jgħinni. Ma kienx hemm għalfejn ngħid lil xi ħadd tax-xogħol, li kienu erba' passi 'l bogħod. Waħdi. Indipendenti.
'Indipendenti' hu l-aġġettiv pożittiv li nagħtu għal meta tkun qed titgħallem issir solitarja u tipprova tinqata' min-nies biex ikollok inqas kuntatt bil-kliem u tnaqqas il-qsim tal-esperjenzi.
*throttle hija dik li ġġerriha 'l fuq u 'l isfel biex tagħti l-gass lill-mutur. Dik li tagħmel 'vħum vħumm'.