Nagħlaq għajnejja u nara xjaten imlibbsa ta' nagħaġ, b'għajnejn bojod karti fi dlam imdawwal bil-ħażen. Għajn miġugħa b'viżjonijiet imċappsa bi trab u rmied ta' dwejjaq. Stonku jiekol arja mfarrka t'elf apatija u telqa. Qurriegħa mrammla tħokk b'uġigħ li jitriegħed ma' ġismi kollu. Daħq fieragħ fil-wiċċ ta' firda bejn ilbieraħ u llum. Tintefa' mal-art għax ma tiflaħx tiġbor lilek innifsek u titla' togħma qarsa. Tiftakar bil-jien li xi darba kont. Tħoss l-effett tal-bidla li seħħet ma' kull daqqa li tielgħa mill-istonku. Taqla' kull verità mgiddba li ġejt mbellgħa, ma' kull darba li ħsibt li qed tagħmel deċiżjoni tajba, meta ma' dik id-deċiżjoni ħadt triq li waslitek għal ħsibijiet preżenti. Ilma ħalli tifriska, ilma ħalli jsaffik u jnaddaf.
Idejn jixxejru qishom mogħoż jirgħu fil-ħaxix, 'il fuq u 'l isfel. Adorazzjoni ta' tagħlim li għoddsulek u fgawlek wiċċek ġo fih. Rasek tiksaħ, l-istonku jisħon u ttella' l-ikel mill-bir mal-ħabel tal-gerżuma li tħossu jinġibed 'l isfel għal barra. Tara l-istilel f'sema msaħħab u msewwed. Imġewħa għall-melodija tar-ruħ. Melodija li tagħmel sens; minn daqqa għal oħra, mhux minn daqqa soda għal waqfa qawwija f'nofs korus li ma tafx x'hemm warajh. Korus. "Ngħidu flimkien: Hawn jien, Mulej, ġej nagħmel ir-rieda tiegħek!"
Tqum. Terġa' tintefa' mal-art tistrieħ. Tintelaq. Tisma' kollox imma għajnejk ma jifilħux jinfetħu. Tibgħat il-messaġġ lil moħħok, iżda saħħa m'għadx għandek u ħeġġa għal xejn.