Thursday, August 15, 2013

Vacancy: Part Time Waitress Wanted

Meta jkollok bżonn il-flus u ma tkunx tista' tagħmel mod ieħor ġieli jkollok iddaħħal subgħak (jew subgħajk  kemm trid) f'sormok, u taħdem ta' waitress, jew waiter  skont jekk għandekx penis jew le. Dawn huma mwejjed regolari li tiltaqa' magħhom xi darba jew oħra meta taħdem hekk, jew jekk tmur tiekol barra u tħobb tosserva. Meta niekol barra jien nipprova ma nkunx asshole bħalma kważi huma dawn l-imwejjed li se nsemmi.

1. Familji. Ħa nibda bihom għax li kieku nista' nkeċċihom barra mir-restorant, dawn ikunu l-ewwel nies. Ġieli jkunu familja waħda imma ġieli jħobbu jġibu r-razza u r-redika kollha u jimlew nofs restorant. It-tfal idellku t-tazez kollha sa punt li ma tkunx tista' taqbad tazza mġiddma b'id waħda għax tiżloqlok. Għajjat. Jagħmlu orkestra bil-frieket u skieken li jwaqqgħu kull għaxar sekondi u ġieli jinkiser xi platt bi żball (wara li jkunu ilhom jilagħbu bih) u tara li ħadd ma weġġa' u tgħidilhom li ma jimpurtax, meta fil-verità tixtieq li weġġa' xi ħadd, mhux b'mod sadist, imma għax mal-ksur ikunu kissrulek is-sentimenti ta' moħħok minn xħin daħlu.

2. Koppji. Leħen whiny, "Table for 2, please." Mennenene! Issellmilhom, u tpoġġihom fuq is-siġġu. Dal-qlalet, li jkunu magħmula għal xulxin ġieli jkunu edukati biżżejjed biex ma jwaqqgħux bżieq mill-bews kollu li jagħtu waqt li jistennew l-ikel. Imma, ħafna drabi jkun hemm minnhom li joqogħdu jixxabbtu u jagħtu bews, jekk mhux fiżikali, b'għajnejhom, minn naħa għall-oħra għax ikunu qed jibżgħu li ħarġu u ltaqgħu mad-dinja ta' barra wara tant jiem imsakkra jaħxu. Meta tmur biex tagħtihom il-platt jaħraq, jibqgħu id f'id fuq il-mejda u wara li tiskuża ruħek għal darba tnejn, u għat-tielet b'leħen bil-herra biex tpoġġi l-platt, jitilqu jdejn xulxin u jkunu se jmutu, tant li jerġgħu jpoġġuhom mal-ġenb. Jista' jkun joqogħdu jieħdu xebgħa ritratti biex meta jieqfu joħorġu flimkien joqogħdu jibku. Ħafna drabi jistaqsuk toqgħod tiħdilhom ritratt u tgħidilhom li mhux problema, meta eħe, problema għax ikollok xebgħa ikel x'toħroġ mill-kċina.

3. Il-kategorija tal-idjoti. Moħħhom fit-teknoloġija. Jistaqsu għal wi-fi password qabel ma jindunaw li għandhom il-ġuħ u jibqgħu sad-diżerta mingħajr ma jlissnu kelma ħlief sentenzi bħal "Illalu, rajtu xi ppostja l-ieħor?" Jew "Ara, mela qegħdin flimkien dawk?" Ġieli ma jkollix aptit nagħtihom il-platt u jkolli aptit inġegħelhom jieklu fuq it-tablet.

4. Il-professjonisti. Jekk tkun taħdem f'restorant posh jiġu ħafna minnhom. Dawn jaħsbu li d-dinja ddur magħhom għax huma tal-flus, u ħaddieħor mhux. Qed nirreferi għal avukati, politiċi, tobba u qanżħiet oħra tas-soċjetà*. Aħjar ma nkomplix ngħid iktar fuqhom għax fil-ħajja jaf niġi bżonnhom.

5. Nies sopranaturali. Dawn huma l-allat li jaħsbu li xħin jidħlu fir-restorant l-ikel se jaqa' mis-sema u jiġi eżatt quddiemhom, għax huma bil-ġuħ u jaraw biss ikel. Probabbli int u sservihom jarawk bħala biċċa koxxa ta' tiġieġa titkellem u fil-fatt ma jagħtux kas l-eżistenza tiegħek bħala individwa umana. Waqt li tkun qed tagħtihom il-platti jippretendu li tista' żżomm lista sħiħa ta' ordnijiet li jridu, u jkunu għadhom kemm qerdu għall-ikel bis-sarkażmu vojt tagħhom. Hawnhekk se nqiegħed ukoll dawk in-nies li jikkumplikaw ordni sħiħa. Se naqa' vojta u ngħid li jordnaw xi ħaġa bħal, "Emm, nista' nieħu l-quattro formaggio imma mingħajr ġobon, u bil-mushrooms?"

6. Studenti/barranin għadhom żgħar. Ma jonfqux ħafna u joqogħdu jsaqsuk fejn jistgħu "We want to partey." Ġieli jistaqsu wkoll għal Strip Clubs u biex tkun edukata u forsi ma jistupraw lil ħadd, tgħidilhom qisek tmur int stess. Il-ġuvintur, ġieli jidħlu mingħajr flokk u kontra qalbek ikollok tgħidilhom biex jilbsu flokk. Meta jkunu tfajliet tkellimhom u tistkerrah lejhom u tgħidilhom li, le ma jistgħux joqogħdu bil-bikini, għax qegħdin f'ħanut u mhux ħdejn il-baħar. Ptuħ!

7. "Parla 'taliano?" Dawn huma dawk il-boloh li jippretendu li kulħadd jitkellem bil-lingwa tagħhom. Jistgħu jkunu Taljani jew minn xi pajjiż ieħor fejn ma jeżistix l-Ingliż. Jien ma niġix f'pajjiżek nistaqsik jekk titkellimx bil-Malti għax m'iniex egoista (għalkemm ġieli tkellimt bil-Malti għax inkun xbajt nipprova niftiehem bl-Ingliż). Nixtieq nistaqsi għalfejn isiefru, imma għalxejn għax ma jifhmunix. Ta' waħda li rrid naqla' lira nwieġeb li nifhem xi ħaġa u jkolli naqla' l-vokabularju li tgħallimt fil-Form 3 "għal meta tmur tiekol f'restorant". Hah, the funny thing is that I've used that vocabulary iktar biex inservi milli biex niekol jien. Ma nafx x'ġara fis-sentenza ta' qabel din. Niskuża ruħi.

8. Table-for-1. Dawn ikunu normalment orrajt, għax jew ikunu tant solitarji li ma jkellmukx u jħalluk bi kwietek jaqraw xi ktieb, jew ikollok konverżazzjoni ħelwa fuq ix-xejn tal-ħajja.

9. Nies orrajt. Din il-kategorija hi għal dawk in-nies li ma jagħmlulekx lejl meqrud u jafu jmorru man-nies. Jiċċajtaw ħelu u meta tiċċajta magħhom tinduna li għandhom sense of humour, jekk tagħfas hawn tkun tista' tara l-esperjenzi li ġieli ġrawli u fuq kollox nuri wkoll li m'iniex waitress antipatka li turi li mxebbgħa mill-ħajja. Dawn jistgħu jkunu familji Maltin, familji barranin, jew mhux familji li jafu jirrispettaw u jagħtu l-ħin biex l-affarijiet isiru sew. Imma, kemm issib minnhom?

Imma m'iniex se ngerger kemm nitqażżeż inservi nies ingrati u maledukati. Li taħdem ta' waitress hu degredanti, staqsi 'l Jason.

*Minħabba li jista' jeżisti mqar wieħed minnhom li ma jkunx bħalhom, qed ninkludi din in-nota biex nuri li ma jistax ikun kollha kemm huma huma hekk.

No comments:

Post a Comment