Friday, November 26, 2010

L-isfortunata


Dubbiena ddur u ddejjaq lil kulħadd u tara ħafna idejn jixxejru. Poġġiet u ma għadhiex tara idejn jixxejru. F'ħakka t'għajn issib ruħha f'post mudlam, u ftit sekondi wara tara raġġ ta' dawl. Tħoss lil xi ħadd jagħfasha. Bis-swaba' tinġibed il-ġewnaħ ta' din il-povra-ħaqqha dubbiena. Tħoss biċċa minnha tinsteraq.

Imwaddba mal-art fuq mejda kwieta, id-dubbiena taqbeż u toqmos, tipprova ttir, iżda ma tistax. Toqgħod siekta fuq il-mejda, tniżżel ilsienha minn ħalqha u tilgħaq li ssib. Taħsel idejha, u s-saqajn ta' wara. Iddur biex taħsel il-ġwienaħ iżda ġewnaħ nieqes. Tgħolli sieqha 'l fuq forsi tħoss il-ġewnaħ imma għalxejn. Jinsab mejjet mal-art bħal dawk il-ħafna biljetti fuq tal-linja. Mormija u bla użu. Tigranfa bħal wiżgħa ma' ħajt il-mejda u tibqa' waħidha mingħajr ma ddejjaq lil ħadd, għax għandha l-problemi tagħha. Għadha bit-tama li forsi jikbrilha ġewnaħ ieħor. Ma tafx kif il-ġewnaħ sparixxa. Tħossha stramba, xi ħadd neżżgħalha dak li jagħmilha dubbiena. Ma tistax iddejjaq lin-nies aktar. Daqshekk qabżet minn karozza għal oħra. Daqshekk taret aktar f'ħajjitha. Kienet ilha minn mindu kienet dudu tkabbar il-ġwienaħ, iżda ma tistax terġa' tmur lura għal dak id-dudu li xi darba kienet. In-natura ħaditilha dak li xi darba hi stess kienet tatha.

Saturday, November 13, 2010

X'int?

Int Mandolina,
taf tkun ħelwa li tgħaxxik,
taf tkun morra li tqarraslek wiċċek,
u taf tkun imdewda li tiddisgustak.
Irrid inqaxxrek.
Ħelu, morr je' mdewwed?

Thursday, November 4, 2010

Naf, ħallini!

Mela, qiegħda nistenna moth kbir minn x'imkien, u qed nibża', u qed infittex x'jgħidulha dik li toqtol biha... U ktibt "fly killer" imbagħab sibt li jgħidulha "fly swatter" Issa, dan in-nom "swatter" ġegħelni naħseb! Fakkarni fil-verb "sawwat", u bdejt nistaqsi; "Għandhom x'jaqsmu daw' it-tnej'?"

Naf, ħafna ħafna minnkom se jgħiduli "xiż-żig?" Imma għalija affaxxinanti. Għax fil-lingwistika qrajt li l-verb "fajjar" ġej minn "to fire", għax kien jintuża fi żmien il-gwerra u l-Maltin dawruha f'"fajjar" ... U dawn, għandhom x'jaqsmu naħseb u interessanti ...

U l-moth għadni ma erġajtx rajtu ...

Għal haw',
Maria

Tuesday, November 2, 2010

Ċikkulata Bajda, qaltlu

Mort nixtri mingħand tal-grocer, u qabel ma tlaqt mid-dar, staqsejt 'l oħti jekk tridx xi ħaġa. Wasalt għand tal-ħanut u ma sibtx milli staqsietni oħti, għalhekk dort fuq is-Sur Grocer u għidtlu "Jogurt taċ-ċikkulata bajda nsiblek?"

"White Chocolate?" Qalli
Tajtu ħarsa, speċità, proset talli taf tittraduċi.

Ħareġ minn wara l-kawnter u beda jqalleb fil-kaxex li kienu għadhom kemm ġewh. "Mela, ċikkulata bajda". Qalli b'kantaliena. Għoġbitek hux, ja puft.

"M'għandix ta, 'qas waħda." Tennieli. Waħda?

Ħadt ieħor mill-oħrajn u ġejt lura d-dar, u l-oħra għadha qas niżlet biex tieħdu; basta xtrajtilha. Ptuħ!