Thursday, June 23, 2011

Insomnia

Tkun rieqda u tħoss li lsienek m'għadux jgħum fil-bżieq ta' ħalqek. Tqum u tfittex dak il-flixkun ilma li suppost għandek fil-kamra. Ma ssibux, tgeżwer liżar miegħek u tidħol f'kamart ħuk biex tara għandux. Nixfa wkoll. Tinżel isfel u timla tazza mimlija silġ u titfa' naqr' ice-tea u tixrob xi erba' tazzi sakemm tħoss ħalqek bżieqi. Titla' fuq u tintebaħ li n-ngħas raqad, u l-irqad indifen. Il-ħamsa ta' filgħodu u ma hemm xejn x'tagħmel. Nofs siegħa wara, u l-għasafar tal-bejt qamu jpespsu u tismagħhom jgħajtu 'l xulxin. Il-fann tal-kamra jdawwar l-arja sħuna mal-kamra, u waqt li tħoss l-għaraq ixoqq minn ġbinek tipprova tgħaddi ż-żmien billi tilgħab b'dellek. Il-ħsibijiet iħokku ma' mħaddtek u għajnejk mixruba. Tixtieq li n-ngħas iħokk mal-imħadda imma lejl qabel xrobt sal-inqas kelma minn fomm ħaddieħor u analizzajt kull dettall subkonxjament waqt li torqod. L-affarijiet tal-passat jixxabbtu mal-preżent u jiggranfawlek mal-futur....

Saturday, June 11, 2011

Star, il-kelba li mietet.

Ħafna nies semgħu b'din il-kelba li baqgħet ħajja wara li xi ħadd "krudili" sparalha u difinha. "Missu jistħi", "kemm hawn min hu demel"..u kummenti simili kontra min għamel dan l-att. L-ewwel darba li smajt b'din il-ġrajja, ħassejtni mħassba - għala xi ħadd jagħmel xi ħaġa bħal din lill-kreatura li għex magħha? U l-media tat il-ħsibijiet tagħha wkoll u ġġerri l-kelma bħal tifel fil-pubertà lill-ġismu.

Meta mietet reġa' qam l-għagħa fuq din il-kelba, għax mietet, u miskina, u ma ħaqqhiex, eċċ. Hawn min għamel video fuqha (u "official" ukoll, importanti), u paġni fuq siti tal-Facebook, biex issir ġustizzja u titqajjem aktar kuxjenza fuq il-krudeltà tal-annimali. Eħe, proset talli ġabet kuxjenza din il-kelba, u proset talli ħolqot inspirazzjoni lil dawn iż-żgħażagħ. Ilbieraħ smajt ukoll li se jaħarqu ġisem il-kelba u l-irmied jippreservawh u jagħmluh f'mużew, u n-nies trid tagħmel ukoll mafkar f'isem din il-kelba.

Waqt li qed nara l-istampi u artikli ta' din il-povra kelba, il-verb "shot" u l-istampa tal-ġilda ta' rasha mtajra fakkritni fil-karattru ta' Lennie f'Of Mice and Men. Jista' jkun li din il-kelba kellha marda serja li ma setgħetx tfiq minnha u kienet qed tbati? Min qara dan il-ktieb, jaf kemm kienet diffiċli għal George biex qatel lil sieħbu li tant iħobb - Lennie, u għaraf biex jisparalu fuq il-wara ta' rasu biex ma jħossx uġigħ. Forsi min spara lil Star, ma kellux il-qalb biżżejjed biex jeħodha għand tabib tal-annimali u jagħtiha l-labra, għax ma jemminx biha. Klieb jew annimali morda mhux hekk kienu joqtluhom qabel - sparatura f'nofs rashom? Kellha 40 ċomba; naħseb li l-ewwel difnuha l-kelba mbagħad sparawlha, allura ma setgħux ikunu ċerti jekk ħelsitx mit-tbatija jew le. Għand min kienet jafha aktar minn xiex kienet għaddejja min-nies żgur.

Li rrid ngħid hu li bħal ħafna drabi, in-nies tara naħa waħda tal-istorja - dik li ttemmagħlha l-media; dik li taqla' aktar geġwiġija biex issir popolari . Allura, boloh intom li ma tafux taħsbu għal raskom u ma tafux tfittxu l-verità u taħsbu bħala nies loġiċi u tpoġġu lilkom infuskom minflok il-"qattiel" u mhux minflok il-kelba. Kien hemm ċerta persuna dejjem kien jgħidli "Għaddi kollox mill-għarbiel" u nħossni li f'dinja fejn kulħadd irid ibellagħlek kollox, għandi bżonn nagħmel hekk. Din il-kelba mietet għax kellha xi ħaġa ħażina fil-frixa. M'iniex tabiba imma ma naħsibx li għandhom x'jaqsmu l-isparatura ma' biex mietet fl-aħħar mill-aħħar. Għalhekk b'konklużjoni nixtieq ngħid li ma nafx għala mill-ewwel qatgħuha li dan l-att kien att ta' krudeltà. Nemmen li ħadd ma jagħmel xejn għal xejn - u nixtieq inżid xi ħaġa li m'għandhiex x'taqsam ma' li qed ngħid, imma l-Animal Welfare qalgħu kemxa donazzjonijiet.

Monday, June 6, 2011

Qed nikxiflek, ejja igdimni!

Il-ħin hu xit-tlieta. M'intiex daqshekk konxja, imma int konxja biżżejjed biex tikkontrolla l-ħolm. Toħlom stramb, imma mmanipulajt lil moħħok xi tridu joħlom. Taf li qed toħlom, u taf li rieqda. Tħokk il-laħam ta' saqajk, sakemm tant tħokk li ma' kull ħakka ir-realtà tiġbdek lejha. Tieqaf tħokk, u terġa' taqa' toħlom. It-tlieta u nofs; ħakk fis-sieq l-oħra, u terġa' l-istess storja.

L-erbgħa: tisma' dak il-ħoss sajfi, irritanti ma' widintek. Ħoss ċkejken li għandu l-potenzjal li jżarżarlek widnejk u tqum minnufih. Ilek sagħtejn sħaħ tħokk saqajk, waqt li n-nemusa redgħatlek ġismek kollu. Tiftakar li ħassejt is-sħana u rqadt mingħajr qalziet - tajjeb wisq! Saqajk mimlija gdim, u redgħat ħomor 'il fuq sa kuxxtejk.

Taf, li jekk se terġa' tmur torqod, se titqajjem bl-istess ħsejjes u bl-istess ħakk. Tqum u tixgħel id-dawl. Għajnejk jitgħammxu bid-dawl u għadhom kollha żliġ u sħab mal-ħabba. Togħrokhom. Tisma' serduq jidden u taħseb bejnek u bejn ruħek: Min iż-żigg ġab serduq?! Il-fekruna qamet ukoll, u qed iċċafċaf fl-ilma. L-għasfura mgħottija u għadha ma bdietx teqred. Tħares lejn in-naħa tal-lemin fejn hemm il-ħajt biex tara tinzertax il-biċċier. Taraha hemm, ma' dahar il-ħajt; imwaħħla, tistenniek biex terġa' tmur torqod. Inżeggeg, bhima!

Tqum mis-sodda bil-mod, taqbad il-fajjara, u ssabbatha mal-ħajt. Tara xi ħaġa ttir, imma ma tafx jekk hux in-nemusa mejta, jew in-nemusa l-ħajja. Qtiltha jew le? Tipprova tinsa l-fatt li qed terġa' tħokk. Issa saru l-ħamsa u għoxrin u ma tistax torqod; la int, u lanqas il-ħut li qajmet magħha l-fekruna.

Il-ħamsa u nofs - int għadek ma rqadtx u diġà qed tisma' l-alarms tan-nies idoqqu biex iqumu għax-xogħol. Ma tistax torqod u taf li minn hawn u sagħtejn oħra ġejja oħtok teqred biex tqum għax ftehmt magħha li se toħorġu. Tajjeb. Tfittex affarijiet relatati mat-tortura li għaddejt minnha, u tibda taħseb biex tagħmel liżar minn dawn u torqod taħtu.