Dal-aħħar xbajt li kull darba li nidħol flgħaxija biex indaħħal il-mutur fil-garaxx, insib xi wirdiena tirgħa minn fejn ngħaddi jien biex nipparkja. Dejjem ikolli l-Baygon lest ħdejn l-ixkafef imma ġieli tkun taħt l-ixkafef.
Illum ipparkjajt, ftaħt il-garaxx, xgħelt u ġejt biex inqiegħed il-mutur, u nara ħaġa kannella miexja. Inġbidt lura u mingħajr ma ridt għajjatt "F'għoxx ommok" f'nofs ta' lejl. Il-Baygon qiegħed 'il bogħod. Il-wirdiena tista' ttir fuqek. Bdiet miexja 'l bogħod minni. Ġrejt għal Baygon u erġajt ħriġt barra mill-garaxx u nisprejja mill-garaxx għal ġewwa, dejjem inżomm erba' passi bogħod mill-qaħbeċ wirdiena biex f'emerġenza naħrab. Nisprejja u nisprejja u għal xejn. Waddabt il-bott tal-Baygon forsi nolqotha u ma mmirajtx sew, però waqqajtha minn fuq biċċa triplej li kienet qed titla' magħha. Spiċċajt mingħajr arma.
Tlajt niġri fuq inġib il-Piff Paff mill-bitħa. Inżilt niġri isfel. Il-Baygon li kont sprejjajt qabel beda jaħdem xi ftit, għax meta nżilt isfel, il-wirdiena sibtha żaqqha 'l fuq. Sprejjajt il-Piff Paff dirett fuqha u bdiet tagħti b'saqajha. Id-daqqiet bdew jonqsu ma' kull għafsa tal-isprej. Kelli urġenza kbira li nixgħel lighter quddiem il-Piff Paff nisprejja, imma kien hemm kwart ta' garaxx taħlita ta' sprej. Qed naħseb bejni u bejn ruħi kemm jagħmlu aktar ħsara lilna dawn l-isprejs milli lil din l-ispeċi li baqgħet ħajja u ma nbidlet b'ebda mod mill-attakki ta' Hiroshima. Waqfu saqajha u ġejja biex indaħħal il-mutur...
Minn xi mkien ħarġet oħra. Sabbat iż-żewġ sprejs mal-art, tfejt il-garaxx biex suppost ma taranix il-wirdiena, u qisni ħaġa belha għalaqt il-garaxx niġri. Il-mutur għadu barra.