Niftakarni nieħu l-aħħar erba' boqqiet mit-tazza li kelli quddiemi. F'daqqa waħda nħossni nqum minn fuq is-siġġu. Aħfirli Mulej, għax ma nafx x'jien nagħmel. Erġajt sibt ruħi quddiem il-bar. Xtrajt tazza nbid. Ngħolliha 'l fuq, inkellimha u ngħidilha "Tazza nbid, ma jistħoqqlokx tidħol taħt is-saqaf ta' ħal-" U qabel ma spiċċajt kliemi kienet diġà ltaqgħet ma' sħabha l-oħra fl-istonku. Jiena n-nagħġa l-mitlufa, li Ġesù qatt ma sab. Kont gidi meta ħrabt minn taħt idejh. Biss, ma kbirtx f'nagħġa, sirt muntun.
Ilħna tal-passat qishom riħ ivenven — il-patri waqt l-Omelija tal-Ħadd. "Sibtu lil Alla f'ħajtek?" Illum inwieġeb li sibtu, u rajtu. Rajtu kemm-il darba; rajt 'l Alla mal-art fuq il-bankina nitmiegħek; fis-sodda naqla' fuq is-saqqu, nagħlef lil-lożor... Flusi berbaqthom. Il-bint il-ħalja. Henjin il-foqra fl-ispirtu. Nara lil sieħbi ġej bi tray spirtu ta' xi ħaġa. Nieħu grokk ieħor li 'qas naf x'hemm fih u nħoss id-dinja ddur. Nagħfas għajnejja, ħaddejja u nqarras wiċċi. Vodka. L-ilma mbierek. Hawnhekk sibt l-għaxqa tiegħi, għax għaxxaqtha.
Mumenti fejn ma tkunx konxja tal-eżistenza tiegħek u l-għada tqum bi ħjiel ta' x'seta' ġara. Kif il-mowbajl qiegħed fix-xawer. Għaliex qomt Eva mingħajr ma tħoss l-għadam. X'ħin sebaħ, l-art m'għarafthiex; ilmaħt biss l-imħadda. Irħejt idejja. Il-poppa kienet imfarrka. Meta ġejt f'tiegħi, sirt naf li l-gżira kienet soddti. Laqgħetni tajjeb ħafna. Imbagħad ikollok analessi ta' x'ġara fuq fuq. Timxi fid-dlam, tħoss sħana tielgħa ma' ġismek kollu. Tixgħel il-fann. Tinża'. Tintefa' fuq is-sodda bħallikieku "Mulej, f'idejk jien nerħi ruħi" u torqod b'ħalqek xott tistenna l-Apokalissi. "U min hu bil-għatx, ħa jiġi, ħa jieħu b'xejn min irid l-ilma tal-Ħajja."