Monday, April 22, 2013

L-imkejjen ta' Places


Lesta mix-xogħol. Ir-rutina tas-soltu ta' wara x-xogħol. Il-ħarġa insignifikanti ta' Paċevill wara lejl ta' għeja u nies jeqirdu għall-ikel. B'riħa ta' Tandoori mweħħla mal-ħwejjeġ u mal-basla ta' xagħri mmur inħallatha mar-riħa ta' sigaretti u arja mniġġsa bir-remettar f'xi klabb. Nibgħat nistaqsi fejn qiegħda l-merħla ta' Bendu u jgħiduli li Places. Nasal u nara l-istess uċuħ li kont għadni kemm rajt ftit sigħat qabel. Dħalt u rassa tad-dimonji tqanpinni minn naħa għal oħra. Nimbotta. Żulu min-nofs!

Ninduna li ma' kull ħarsa nara persuna li nkun rajt friska friska l-Università. Kont qisni qiegħda quad bil-lejl. Ma nafx jekk l-Università tiġix Paċevill bi nhar jew Paċevill jiġix l-Università bil-lejl. X'toqba u kruha ta' pajjiż. Gallinar tiġieġ jagħsdu fl-istess ħmieġ, innittfu lil xulxin. Nieklu informazzjoni. L-istess informazzjoni biex suppost nitilgħu fis-soċjetà meta xejn m'għad għandu l-istess valur u kulħadd jista' jiġi ppasturizzat fl-istess skutella.

Il-president ta' xi għaqda jitgħannaq ma' xi qaħba li kienet tiġi miegħi skola. L-istess waħda li meta kont għadni belha nipprova nsellem, kienet twieġeb billi ddawwar wiċċha u tindifen fin-nefħa li saret. Iżda meta jasal il-jum għal biex tilgħaq in-nies, inkun waħda minn dawk il-persuni li toħroġli lsienha lesta biex tilgħaq vot mal-ponta ta' lsienha u jien ngerrixha minn ma' saqajja bħalma ngerrex id-dubbien iweħħel mal-għaraq ta' saqajja fis-sajf. Nidħqilha, mhux bi tbissima imma b'daħq fil-wiċċ immermer.

Veduta ta' boloh jiżfnu. Fuq naħa l-ħamiem tal-SDM jifirħu bin-naqra frak ta' ħobż li sabu, fuq l-oħra l-imnikkta tal-Pulse jiżfnu mad-DJ. F'għoxx ix-xogħol, x'telqa għandi. Aħjar qiegħda xi mkien ieħor. Aħjar sħabi ma ddeċidewx li jiġu haw'. Aħjar tlaqt norqod, noħlom ix-xejn ta' dlam il-mistrieħ. Imbagħad jiġu jgħidulek tintegra fl-Università? Ġieli rajt u ħarist fiss fiss f'għajnejn in-nies li jidhru u li jattendu l-Università? Jiddieħqu bihom infushom, ma jafux ikunu persuna sinċiera waħda. Le!

 Jien ħaxxej. Jien opportunist. Jien ġakbin. Jien faċċol. Jien qed nuża dit-tfajla biex ngħolli s-self esteem. Jien inkellem lil dal-ġuvni għax jaf in-nies. Nofs sħabi li għandi huma sħabi għax nagħtihom l-invajts b'xejn għall-parties. Naf li dan iridni u nibqa' nkellmu taparsi interessata fih, l-aqwa li hemm xi ħadd iridni. Ġieli jkolli aptit intih għat-tfajla ta' sieħbi. Għadni m'iniex komdu naċċetta l-fatt li jien gay u li jogħġobni sieħbi. Jien m'għandix idea kif dħalt l-Università. Jien nippreferi nkun haw' milli d-dar b'xebgħa ġlied. Erba' snin ilu kont inkun White Arrow niġbed. Jien għandi kors li ma nafx fejn sejra bih. Jien ferħan fid-dwejjaq l'għandi. "Jien ħafna nies / u jien bniedem wieħed."

Monday, April 15, 2013

Tuba xtrat tubu


Mela lbieraħ flgħaxija waqt li qed nissortja xi imbarazz, telaq it-tubu u beda jpetpet. Kien id-dlam, jien għajjiena, u l-ħin jagħfas biex fl-aħħar nidħol norqod. Xgħelt il-lampa ta' fuq rasi ħdejn is-sodda, u dħalt norqod. Dalgħodu 'qas biss xgħelt il-kamra. Bażikament ma kellix bżonn nixgħel, għax fit-tmienja u nofs ta' filgħodu mhux ħin in-nies u xorta kont għadni rieqda jien u nilbes. Ippakkjajt u tlaqt għal-lesson tad-9.

Wasalt lura d-dar. Għamilt naq'a spagetti, kiltu u tlajt fuq f'kamarti. Xgħelt. Xegħel, intefa', xegħel intefa'. Petpet. Oh, fuck me.  Ftakart li lbieraħ flgħaxija mar it-tubu. Inżilt isfel, ġibt sellum, qlajt l-istarter, qlajt it-tubu u mort għand taż-żebgħa. Qed nistenna wara raġel, u tal-ħanut ħareġ mill-ħanut iġiblu xi xaħx u sadattant ir-raġel tax-xaħx kellu bil-fors jibda konverżazzjoni miegħi... "Dak, dak taf għala jinqata' hux? Għax toqgħod titfih u tixegħlu." Qbadtni, kemm nieħu gost nitfih u nixegħlu, istja! X'lussu noqgħod nixgħel u nitfi t-tubu. Sħabi fil-fatt kienu sejrin jixorbu l-ġimgħa d-dieħla u se ngħidilhom li ma nistax għax se noqgħod nixgħel u nitfi t-tubu d-dar. Aħħħ. Weġibtu li fil-kamra jkun u ħafna drabi mixgħul. "Eh, mela għamlu żmienu. Ħeħ. Ħeħ." What a freakin' idiot! Xaħx kemm għandu. Ġie lura tal-ħanut u l-għoxx induna li tah ftit. Dan tax-xaħx qal lil tal-ħanut biex jaqdi lili l-ewwel. Yay!

Għidtlu li ma nafx jekk marx mill-istarter jew mit-tubu u qalli biex xorta nagħmel starter ġdid. "Tal-erba' dak?" U mar 'il ġewwa tal-ħanut.  Ġie lura, "eh stenn, tal-ħamsa dak." U reġa' mar. U reġa' ġie. Tax-xaħx jifhem f'kollox u qed igedwed xi ħaġa fuq jekk hux tal-erba' jew tal-ħamsa. Ħallastu u tlaqt 'l hemm. Wasalt id-dar, deffist l-istarter il-ġdid fit-toqba, ibbilanċjajt lili nnifsi fuq is-sellum imżellaq fuq it-tapit u permezz tal-qsurija tiegħi rnexxieli nwaħħal it-tubu. Ma kontx naf x'se nagħmel bl-istarter l-ieħor għax kien jaf għadu tajjeb u infatti hu, so tfajtu fit-toqba l-oħra fejn ma kellix starter, imma kien hemm tubu. Xgħelt, u xegħlu ż-żewġ tubi. Bażikament stajt ma xtrajt xejn u nbiddel l-istarter fit-toqba l-oħra. X'jien tuba! Meh, issa kull darba li nixgħel il-kamra jkunu qishom qed jinfetħu l-bibien tas-sema.