Monday, June 17, 2013

Malta will Maltin

Minduda fuq xugaman inħoss ix-xemx iċċappasli l-kulur skur fuq ġismi. Nisma' l-baħar jiċċafċaf ħelu ħelu max-xtajta. Inkun dieħla f'raqda li qed tħeddilni fiha x-xemx. Nisma' bieba ta' karozza tinfetaħ. B'ħanxra, "Ejja 'l haw' u stenniena mhux taqbad tiġri waħdek għax taqa' u tweġġa' ħaqq għal Marija Madonna. Għidtlek stenna, Shanisia! Aqta' x'xebgħa se taqla'! Issa nqiegħdek ħaqq għall-madonċi!"

X'torqod torqod. L-ostra!

Saturday, June 15, 2013

Qatgħa qatgħa xagħar

Qed nipprova nsib hairdresser li ma tissendikax (Ħeħeħeħħeħe. Naf), taf taqta' x-xagħar u prezz tajjeb. Dħalt għand hairdresser ġdida li qatt ma mort għandha qabel. Kien hemm tnejn li jaħdmu hemm, u sufan fuq kull nofs maduma. Staqsejtha kemm hi qata' xagħar u weġbitni "Trim iġfieri?" Eh, qatgħa xagħar, Ms. Technicalities. "Trim, ten you rose". Ma ridtx inkun qisni belha u nitlaq 'il barra, għalkemm naf li għaxar Ewri ħafna, meta l-aħħar qatgħa xagħar ġietni b'xejn għax għamiltha jien qabel ma dħalt ninħasel, u fejn immur is-soltu €8.50 Poġġejt bilqiegħda, ma kellha 'l ħadd u bdiet tigrifli l-qargħtaħsilli xagħri waħda minnhom.

Xugaman imgeżwer ma' xagħri, tnixxef naq'a u se tibda taqtagħli xagħri waħda oħra. Tattoo ma' idha, stampa ta' mqass. Staqsietni kif irridu u għidtilha li l-iktar l-iktar kemm tneħħili l-maħruq u li xorta nkun nista' niġbru toppu. Fetħet l-imqass. Għadha lanqas messitu ma' xagħri, "Inti jaqaw il-kuġina ta' Cliff*?" Bdejna. Kelli nkompli magħha għax inkella jien inkun imprudenti. Ugh. Malta m'hawx daqshekk psikologi għax haw' ħafna salons tal-hairdressers. Naħlef li jiħdulhom ħafna mix-xogħol.

What do you call a psychologist with no patient confidentiality?
A hairdresser.

Imbagħad saqsietni x'qed nagħmel f'ħajti u nejk ieħor li ma kellux x'jaqsam ma' xagħri. Xħin qed tfesfes f'xagħri għidtilha li nixtieq inħaffu naqra. Qantli "Dak bix-xafra nagħmlu imma ta." U jien weġibtha li kollox sew, u mit-tonalità ħassejt li hemm xi flus żejda biex se tużali x-xabla ta' La Valette. Stennejt l-iskumdità tegħlibha, u qantli "Eħe. Emm, dik imbagħad tu you rose iktar ukoll." Għajni x-xellugija bdiet tpetpet. U tpetpet. Tbissimtilha dik id-daħqa falza li hi stess tbissmitli xħin dħalt fil-ħanut waqt li flietli ħwejġi. Għidtilha li kollox sew. Dak il-ħin rajt lili nnifsi hekk quddiem il-mera. Xħin lestiet staqsietni jekk irridx nagħtih naqra blow biex jinxef. Bżajt li jiġi xi Ewrejn oħra u għidtilha li m'hemmx għalfejn għax xorta sejra naħslu.

Ma tissendikax 
Ma tiħux għoli 
Taf taqta' x-xagħar 

*Biddilt isem il-kuġin, kuġijn.

Thursday, June 13, 2013

€5 u biskuttini

Kont imġewħa għal xi ħaġa ħelwa u tlaqt nixtri m'għand l-Aroma. Qed nagħżel liem pakket se nieħu. Minn wieħed saru tnejn. Minn tnejn żidt stoċċ ħelu. Qed nistenna u nħares dritt biex ma nżidx aktar... ħalli ma nżidx aktar. (Geddit? No? Ok).

Kien hemm waħda u waqt li qiegħda fil-kju qabżitni. Ħaristilha bl-ikrah imma ma setgħatx tarani bl-antipatija li kienet qed tinfestalha wiċċha, allura qgħadt inħares bl-ikrah lejn xagħarha iswed tuta nipprova nigriżah bir-rabja li kelli. Ħadet Tic Tac mill-imbarazz li jkun hemm fuq kull naħa. Pff Tic Tac, jee għax ħalqek jinten, bħalek! Int tinten! Fucken.. X'taħseb li int? Ġejja taqbiżni. Fffuck you. Ġiet biex tħallas u tefgħet l-imbarazz fuq il-kawnter. Red Bull. Ow, waħda minn dawk int..Qeuħ. Staqsiet għal xi sigaretti u ma kellux. Tal-ħanut qallha "Fajf twenti sevinn." U nara €5 mill-ġodda timxi minn id għall-oħra. Il-ħuġbejn imniżżla jberqu lej' dil-mara għolew 'il fuq bil-ferħ u kxift snieni.

Dal-aħħar qed inġemma' l-five Ewri* kollha li ħarġu ġodda biex imbagħad ikollhom joħorġu oħrajn għax ikunu "mitlufa". U JKUNU KOLLHA TIEGĦI! (Eħe, antiki hemm €7,537,335,100. Sors: Wikipedia. U ġodda ma sibtx kemm hemm imma se jkunu kollha għandi. Naf ukoll li l-flus antiki jkollhom aktar valur mill-ġodda għax ma jkunux għadhom fiċ-ċirkulazzjoni, imma tindaħalx).

Dak il-ħin moħħi ħadem hekk: Mela, dik il-five Euro se tkun minn tal-ewwel fil-kexx, u jien naf li se nonfoq inqas minn five. Naf ukoll li se nħallas b'għoxrin, allura l-bqija probabbilment se tikkonsisti f'karta tal-ħamsa, jiġifieri dik li għadha kemm tat din li qabżitni. U Alla ra li kollox kien sewwa.

*Naf li l-plural ta' Ewro/Euro mhux suppost jeżisti.