Wednesday, November 11, 2015

"Proset, missek issir warden, ħi."

Ħriġt il-mutur mill-garaxx biex immur san-Naxxar. Ġejt ħdejn il-knisja ta' San Ġwann u waqafna fil-lights li hemm fejn il-bandli, tefgħa ta' ġebla 'l bogħod mill-iskola primarja tal-gvern. Il-lights ħomor, u xi baħnan b'Nissan, waqaf fuq l-aħmar, stenna millisekonda, u saq 'il fuq. Il-karozza ta' ħdejh, (li suppost kienet warajh imma one lane u qabiżha) paqpaqlu tnejn u baqa' jistenna fuq l-aħmar. 

Jien ukoll qed nistenna fuq l-aħmar, imma jien b'żewġ roti, u xħin il-lights qalbu ħodor, soqt 'il fuq, u xħin il-linja tat-triq ma baqgħetx sħiħa maqtugħa, qbiżt lil ta' quddiemi, u rġajt sibt lil dak il-baħnan tan-Nissan. Dan baħnan, għax għandu Nissan, u għax ħaseb li jekk jibqa' għaddej fuq l-aħmar, dak it-traffiku li seta' jara minn fuq il-lights kien se jgħeb. Wasalt ħdejh. Kien għadu naqra frisk filgħodu u allura kelli ħaġa tal-fleece tgħattili minn imnieħri sal-bqija ta' wiċċi u bil-helmet fuq rasi. Kont bażikament liebsa l-burqa tal-mutur biex ma niblax xi riħ ieħor.

Wasalt fejn da', u waqqaft fejn il-bieba tax-xufier, 'ġifieri fejn kien hemm hu. Waqaft ħdejh, u stajt insuq iktar għax kelli spazju biex nibqa' għaddejja u nibda l-maratona ta' roundaboutijiet tan-Naxxar, imma jien ma kontx mgħaġġla bħalu. Bl-ingwanti fi jdejja ħarist lejh u qgħadt inċapċaplu. Leħaq nesa li għadda minn fuq l-aħmar naħseb, għax, waqt li niżżel it-tieqa, qalli "Nafek? Int Steve?" Saqu ta' quddiemna u biex ma nżommx traffiku, soqt ħarira. Ħareġ wieħed tat-trakk minn fuq Stop Sign, għax Stop Sign tfisser oħroġ u ejja għal'għajnek minn kulħadd, u kelli nieqaf, u rġajna ġejna ħdejn xulxin. Dan tan-Nissan m'għandux paċenzja, la għal-lights u lanqas għall-kurżità. "Nafek?" Reġa' qalli. Però mhux dik in-"Nafek?" ta' "Trid xi ħaġa, xbin?" Imma "Min il-marelli int għax ma nistax nara min int b'dik il-ħaġa ma' wiċċek?"

Tat-trakk għadu fin-nofs jagħlaq in-naħa l-oħra ta' triq, u jien ma stajtx insuq, u għidt "Uija, ejja jkolli l-ewwel konverżazzjoni ta' dil-ġurnata ma' xi ħadd li qas naf." Għidtlu "Le, qed inċapċaplek għal-lights." Għal dawk il-lights li mingħalik ħlist il-ħin meta xorta qiegħed fit-traffiku, għax fuq kollox karozza qed issuq, baħħu, u warajk għandek l-istess karozza li kellek ħdejk hemm isfel.

Beda jidħaq, dal-baħnan tan-Nissan ta' xi 45 sena. Kienet daħqa ta' "Jien insuq Nissan, Alla bagħatni ferħan." Kont premjata li jniżżel naqr'oħra l-automatic window sakemm niżżilha kollha, u qalli "Ija? Proset, missek issir warden, ħi." U baqa' bl-istess daħqa. Dik id-daħqa li jagħmel Konrad Mizzi qabel ma jwieġeb kull mistoqsija li jsaqsuh, kemm jekk iridx biċċa kejk oħra, jew fejn qiegħda Sai. Sigh.

Weġibtu, "Kieku warden ma nkunx nista' nċapċaplek." U soqt.

Xi darba nsib kappell jiġini, jew daqqa ta' bieba.