Dak il-mument meta tibda tinnota kull ħaġa, kull mossa u kull difett ta' ħaddieħor. Wirja tal-librerija, tour - jekk trid. Iparla u jfiehem, u jien nagħti kas aktar tal-affarijiet iċ-ċkejkna li probabbli ħadd ma ta kas, waqt li nisma' jidwi ma' widnejja "Ara, dal-ħin fil-fatt, lanqas student Malti ma tara. Kollha barranin, imbagħad għax il-barranin bravi, mhux għax bravi, imma għax jafu jagħmlu sagrifiċċju."
Jien taħt ħalqu. Nara xofftejh tilgħajn 'il fuq u 'l isfel. Ilsienu. Snienu. Bilabjali. Labjodentali. Imleħħna. Ninnota li s-sinna li ċċarrat il-laħam biha tiegħu tan-naħa tal-lemin hi mimlija minn taħt kważi tmiss mas-saqaf ta' ħalqu. Tgħid weġġa' u qagħad jeqred hu u jagħmilhielu d-dentist? Aħna u mixjin ninduna li qed jinqala' l-qiegħ taż-żarbun tiegħu għax ir-rifless li beda ħiereġ minn dil-biċċa ħatafli għajnejja.
Nitilgħu taraġ. Jien nitlagħhom tnejn tnejn, biex inħossni twila, u kulħadd b'pass normali. Purċissjoni. Il-barranin iħarsu. Qegħdin Melitensia. Melita. Malta. Dak kollu li għandu x'jaqsam ma' Malta. Melita. Telephone lines. Il-moħħ farfett, jaqbeż minn fjura għal oħra.
Nara l-istudenti l-oħra nofshom iħarsu b'dak l-interess falz, ibaxxu u jgħollu rashom qishom mogħoż f'wied mimli ħdura mingħajr 'qas biss jafu x'qed jieklu. Oħrajn jippuppaw sidirhom u jħossuhom superjuri għax jilbsu bra size ikbar minn tiegħi.
Iħarsu bi stmerrija lejja għax jarawni b'jeans imqatta' komdu u l-ewwel flokk li sibt fuq il-mejda li ommi ilha teqred biex niżbarazza mill-ħwejjeġ tiegħi. Imbagħad huma bl-iktar żarbun skomdu li qatt seta' eżista, il-kalzetti kollha kuluri li jidhru mill-qalziet issikkat ma' sormhom, jew popsocks, li minħabba l-ġilda bajda karti li reġgħet qed tidher fil-ksieħ tax-xitwa jidhru qishom għandhom marda fil-ġilda.
No comments:
Post a Comment