Wednesday, November 11, 2015

"Proset, missek issir warden, ħi."

Ħriġt il-mutur mill-garaxx biex immur san-Naxxar. Ġejt ħdejn il-knisja ta' San Ġwann u waqafna fil-lights li hemm fejn il-bandli, tefgħa ta' ġebla 'l bogħod mill-iskola primarja tal-gvern. Il-lights ħomor, u xi baħnan b'Nissan, waqaf fuq l-aħmar, stenna millisekonda, u saq 'il fuq. Il-karozza ta' ħdejh, (li suppost kienet warajh imma one lane u qabiżha) paqpaqlu tnejn u baqa' jistenna fuq l-aħmar. 

Jien ukoll qed nistenna fuq l-aħmar, imma jien b'żewġ roti, u xħin il-lights qalbu ħodor, soqt 'il fuq, u xħin il-linja tat-triq ma baqgħetx sħiħa maqtugħa, qbiżt lil ta' quddiemi, u rġajt sibt lil dak il-baħnan tan-Nissan. Dan baħnan, għax għandu Nissan, u għax ħaseb li jekk jibqa' għaddej fuq l-aħmar, dak it-traffiku li seta' jara minn fuq il-lights kien se jgħeb. Wasalt ħdejh. Kien għadu naqra frisk filgħodu u allura kelli ħaġa tal-fleece tgħattili minn imnieħri sal-bqija ta' wiċċi u bil-helmet fuq rasi. Kont bażikament liebsa l-burqa tal-mutur biex ma niblax xi riħ ieħor.

Wasalt fejn da', u waqqaft fejn il-bieba tax-xufier, 'ġifieri fejn kien hemm hu. Waqaft ħdejh, u stajt insuq iktar għax kelli spazju biex nibqa' għaddejja u nibda l-maratona ta' roundaboutijiet tan-Naxxar, imma jien ma kontx mgħaġġla bħalu. Bl-ingwanti fi jdejja ħarist lejh u qgħadt inċapċaplu. Leħaq nesa li għadda minn fuq l-aħmar naħseb, għax, waqt li niżżel it-tieqa, qalli "Nafek? Int Steve?" Saqu ta' quddiemna u biex ma nżommx traffiku, soqt ħarira. Ħareġ wieħed tat-trakk minn fuq Stop Sign, għax Stop Sign tfisser oħroġ u ejja għal'għajnek minn kulħadd, u kelli nieqaf, u rġajna ġejna ħdejn xulxin. Dan tan-Nissan m'għandux paċenzja, la għal-lights u lanqas għall-kurżità. "Nafek?" Reġa' qalli. Però mhux dik in-"Nafek?" ta' "Trid xi ħaġa, xbin?" Imma "Min il-marelli int għax ma nistax nara min int b'dik il-ħaġa ma' wiċċek?"

Tat-trakk għadu fin-nofs jagħlaq in-naħa l-oħra ta' triq, u jien ma stajtx insuq, u għidt "Uija, ejja jkolli l-ewwel konverżazzjoni ta' dil-ġurnata ma' xi ħadd li qas naf." Għidtlu "Le, qed inċapċaplek għal-lights." Għal dawk il-lights li mingħalik ħlist il-ħin meta xorta qiegħed fit-traffiku, għax fuq kollox karozza qed issuq, baħħu, u warajk għandek l-istess karozza li kellek ħdejk hemm isfel.

Beda jidħaq, dal-baħnan tan-Nissan ta' xi 45 sena. Kienet daħqa ta' "Jien insuq Nissan, Alla bagħatni ferħan." Kont premjata li jniżżel naqr'oħra l-automatic window sakemm niżżilha kollha, u qalli "Ija? Proset, missek issir warden, ħi." U baqa' bl-istess daħqa. Dik id-daħqa li jagħmel Konrad Mizzi qabel ma jwieġeb kull mistoqsija li jsaqsuh, kemm jekk iridx biċċa kejk oħra, jew fejn qiegħda Sai. Sigh.

Weġibtu, "Kieku warden ma nkunx nista' nċapċaplek." U soqt.

Xi darba nsib kappell jiġini, jew daqqa ta' bieba.




Tuesday, June 3, 2014

Li kieku jien Prim Ministru...

Li kieku jien Prim Ministru, nagħmel dawn ir-riformi:

  1. Ma tistax tkabbar il-ħamiem jew is-sriedaq jekk toqgħod f'żona b'xebgħa nies jgħixu bejt ma' bejt miegħek. Mhux talli tħammġilhom il-ħwejjeġ li jkunu għadhom kemm naxru b'xi ċappa ħara ta' ħamiemtek, imma ħadd ma jieħu gost iqum fl-erbgħa ta' filgħodu b'xi serduq, jew ma jorqodx bit-tgergir kull flgħaxija.
  2. L-arbli li għandkom fuq il-bjut biex toqogħdu tifirħu b'dik in-naqra bandiera kull nhar ta' Ħadd u fl-Irxoxt, tridu tagħmlulha dawra bil-foam magħha, ħalli fir-riħ, ma jkunx hemm ħsejjes ta' ħadid jiċċempel flimkien. Irritanti li ma nistax niftaħ tieqa għall-kwiet waqt li qed nipprova nagħlaq għajn m'għajn.
  3. Il-knejjes ma jistgħux idoqqu l-qniepen. Sur Kappillan, nixtieq narak b'hangover ta' Ġesù Kristu l-Ħadd imqaddes waqt li tqum b'dawk iż-żoġġ ta' qniepen (jew rekorder) kull nofs siegħa. Ptu!
  4. L-ispeeding cameras inneħħuhom kollha. Kulħadd iddejjaq li kull darba li nirranġaw triq u tiġi b'ħofor minimu, naħxuha b'camera. Biex nirranġa t-toroq ta' Malta, (li, pereżempju ma jkunux jiżolqu iktar fix-xemx milli fix-xita) irrid insir Prim Ministru xi 10 darbiet oħra, u ħajja waħda biss għandi (speċità għandi ħajja).
  5. Minflok cameras, jibda jiġi mmultat ir-riklamar li jkollu żbalji ortografiċi. Ir-riklami ta' fuq il-banners iridu jkunu nofshom bil-Malti u n-nofs l-ieħor bl-Ingliż. Jiġifieri, jekk hemm 20 banner, 10 minnhom ikunu bil-Malti, u l-10 l-oħra jkunu bl-Ingliż. Malta bilingwi. Ejja nħarsu l-kostituzzjoni sew. #talmalti (Hawnhekk qed indaħħlu aktar impjieg għall-qari tal-provi).
  6. Kull min jieħu iktar minn stessu wieħed fil-ġimgħa jkollu ċitazzjoni ta' €10 fuq kull ritratt. Nimmaġina li jkun hemm dawk l-għaxar boloh minn kull distrett li ma jistgħux jirreżistu jitfgħu wieħed kuljum.
  7. Jiġu ntaxxati t-tablets li jkunu mogħtija lit-tfal t'inqas minn 18-il sena. Tista' tħares lejha bħala liċenzja tat-tablets. Ladarba persuna ssir legali, jista' jkollha tablets kemm trid mingħajr ma tħallas il-liċenzja. Wara din l-età tista' fuckin' tibni dar bit-tablets for all I care.
  8. Kafè librerija ma' kull kilometrejn.
  9. Inħeġġu n-neoloġiżmu.
  10. L-istrip clubs ta' Paċevill: jinfetaħ wieħed li jkun jismu "Ġabha Ġojjelli Stripp Klabb". Hi iktar realistika minn "Gentlemen's Club". Ma naħsibx li gentlemen qed tintuża f'kuntest tajjeb, u tippruvax tespandi t-tifsira ta' gentlemen*.
  11. Min jikser xi liġi ċkejkna, ngħidu aħna jipparkja fuq linja safra, ma jkunx jista' jara l-World Cup/iċ-Champions League, il-Eurovision, jew joħroġ jiċċelebra l-festa tar-raħal/tal-belt tiegħu.
  12. Qabel ma jkollok il-liċenzja tal-karozza, trid iġġib il-liċenzja tal-mutur. Qabel ma ssuq mutur, trid tkun soqt rota tal-inqas xahar. Ir-rota tgħallmek tirrispetta lil ħaddieħor fit-triq u tinħoloq mentalità li, għall-inqas għal qadi, jintuża trasport li jniġġes l-inqas jew ma jniġġes xejn.
Però naħseb, li wara li nlesti dal-eżamijiet, nibqa' sejra dritt nirreġistra għax ħa nibqa' bla xogħol. 'Ġifieri dal-puntini, għalkemm ħafna minnhom huma ideali u jafu jagħmlu l-frott, huma biss kastelli fl-arja.

*Dan hu wieħed mill-ftit neoloġiżmi li ma jistax jiġi aċċettat.

Saturday, March 29, 2014

L-ipstar

X’għandek? ID number? Ok, se jgħajtulek minn Door 1. Inpoġġi u nixgħel il-laptop għax ġejt armata biex nistenna. Tfal jibku, nies bil-krozzi, wheelchairs, u iktar tfal jibku. Haw’, haw’. Lee, xi mmur xogħol immur, telagħli musmar bil-kontra t-Tnejn l'għadda. Użgur. Qalli li se jifqagħhuli. U tgħolli leħinha iktar mill-istorbju li haw’ fil-kamra tal-Emerġenza. Il-leħen ta’ Alla jgħajjat lin-nies jidħlu mill-microphone u jsejjaħ xi tabib. Xiħa fuq wheelchair tgħolli idha 'l fuq u 'l isfel, probabbli 'qas taf li qed tgħix. Tliegħeb u tbeżlaq. Il-ħajja tal-ostja, le? Trabi jibku. Raġel xiħ, b’dak il-leħen maħnuq kollu sigarri, il-mustaċċi sofor jitkellem fuq il-mowbajl jirraġuna bil-krozza u jxejjirha. Kulħadd iħarisli bl-ikrah għax ġibt l-imbarazz x’nagħmel u huma bored.

Jekk l-uġigħ li wieħed iħoss waqt li jkun qed jistenna mhux biżżejjed fl-Emerġenza, hemm it-televixin jagħti fuq il-Malti; TVM u noqogħdu nisimgħu ċ-ċapċip fieragħ ta’ Sibtek. It-trabi waqfu jibku għax l-omm li għandha mantell fuq rasha kollu labar qed ittemmagħlhom xi jowgurt, jew aħjar titmagħhom għax tidher li tħobbhom. Però, biss sekondi wara li spiċċaw jibilgħu, isabbtu jdejhom mas-seat vojt ta’ warajhom u jqażżu ringiela sħiħa ta’ nies bil-vibrazzjoni tad-daqqiet.

Jgħajtu ismi, kulħadd iħares lejja jgħir għalija u nqum ferħana qisni rbaħt xi ħaġa waqt li nħares madwari b’għajnejja jridu jgħidu, Ħaħa biċiss oqogħdu hemm. Imbagħad nagħmel naqra reality check u nimxi nzappap u mmur għal Door 1. In-ners timla xi karti u tgħidli biex nerġa’ mmur nistenna u jien kollni buri għax ħsibt li se nsib lil Ġesù u jagħmel miraklu fuqi u jfejjaqni.

Minħabba l-għażż u n-nuqqas ta’ ħajja soċjali li għandi, ma kellix aptit inqaxxar, allura qaxxart sieq waħda biss, però nirrealizza li jekk se jieħdu xi X-rays jew iridu jqabblu l-infiħ ta’ sieq man-nuqqas ta’ nfiħ fis-sieq l-oħra se jkolli ninża’ l-qalziet kollu u mhux qalza waħda. Amazing kemm jiflaħ jilħaqli moħħi. Jien ħa nkun bla qalziet, sieq sufija u sieq le. Waw. Mary Vella door 2. Ħeħeħe dortu. U fuq Sibtek  waħda tqaxxar id-diska, ridt ngħid, tħanxar id-diska ta’ Miley Cyrus, u jien haw’, nibqa’ nittortura lili nnifsi naqsam kamra ma’ nofs Malta.

Wednesday, March 5, 2014

Lingwa lingwini fuq l-ajruplan

Qiegħda fuq l-ajruplan, waħdi. Did-darba ma nista' naqbad koxxot ħadd mal-lemin tiegħi għax m'għandi 'l ħadd, u max-xellug hemm it-twejqa ħelwa li noqgħod nittawwal minnha u nbeżża' lili nnifsi mill-għoli. Qed intir għal Frankfurt bil-Lufthansa. Ta' studenta li jien u l-aħħar safriet tiegħi kienu bir-Ryanair, insejt li jagħtuk x'tiekol u x'tixrob. Għaddejjin tnejn bi trolì.

Tawni qisha bagetta sħuna, bil-ġobon, pesto, u falda perżuta. Ftaħtha u qed nikolha u niġbed il-ġobon imdewweb chewing gum. Wara xi ħames minuti reġgħu għaddew biex jagħtuna x'nixorbu. Staqsietni x'ridt bil-Ġermaniż, u la kellmitni bil-Ġermaniż għidt inqażżiżha u ngħidilha xi rrid. Xi bażi ta' Ġermaniż għandi, u għidtilha "Eh, Wasser, bitte." Ferratli. Tazza b'tixjù taħtha, u ħsibt li daqshekk.

Reġgħet fetħet ħalqha u qantli (naħseb li qantli hekk milli smajt li qalet lil ta' ħdejja li ma qagħadx jitqażżeż bil-Ġermaniż u qabad u qalilha xi jrid bl-Ingliż), "Vud ju lajk samsink els?" Però jien fhimt "Aħtung anung ja ja bitte bitte xebgħa kliem li ma tafx imqiegħda f'sintassi kumplessa għall-piżella l'int issejjaħ 'moħħ'?" Ħassejt li mistoqsija u biex ma naqax għan-nejk, għidtilha "Nein, danke."

ulied. in-nanna. venut. fl-amerki.

Ta' ħdejja ħa tazza ilma, u stennejt ħa nara x'se tgħidlu għat-tieni biċċa. Balleċċ! Ħa tazza nbid, xorobha, sakemm kien hemm oħra bi trolì u staqsieha biex terġa' timlihielu. Wara li reġgħu għaddew lura, reġa' ħa ġiex tazzi oħra. U jien bqajt bla Apfelsaft, jo' nbid, jo' x'ħaġa. Tan-nejk. Waqt li bdejt nitfewwaq it-togħma ta' pesto u nitnikket, ftaħt borża li ppakkjatli oħti kollha nomnoms u qgħadt ingerrem it-Tutti Frutti fid-dwejjaq u l-istupitaġni tiegħi.


Sunday, January 12, 2014

Il-ħofor tal-ajru

Fuq l-ajruplan lura għal Malta. Inpoġġi waħdi ħdejn it-tieqa u jiġu ġiex persuni ma nafx, jistaqsu hux inżomm post, u bħal waħda solitarja nwieġeb li le. Raġel oħxon, qsajjar bin-nemex fuq idejh. Bil-laptop magħluq fuqi u bi ktieb li ġibt miegħi biex suppost naqra qiegħda nħares u niċċassa fil-vojt. Tisħon il-magna tal-ajruplan u nibdew nippreparaw għall-ġirja tas-soltu u ninqatgħu mill-art. Tlajna fl-ajru u daqqet il-bozza li nistgħu nneħħu ċ-ċinga. Ding. Ftaħt il-ktieb u bdejt naqra naqra naqra. Qed inħoss l-ajruplan għaddej minn ħofor fl-arja u malajr nisma' li rridu nerġgħu nilbsu ċ-ċinga. Jien ma kellix bżonn nerġa' nilbisha, għax bqajt biha minħabba li nħobb inkun protected. Għadni naqra mingħajr ma nagħti kas ħafna ta' x'inhu jiġri madwari. In-narratur tal-ktieb ta' Vella Gera qed jirrakkonta biċċa fejn hu wkoll ikun 'il fuq fl-ajru. Jien u l-karattru kellna din komuni, li t-tnejn fl-ajru, allura kont qisni drugata niġbed il-linji b'għajnejja, jaqbżu min-naħa għall-oħra. Però l-linji tiegħi kienu tal-ittri.

Ta' ħdejja nisimgħu
jħaxwex jiftaħ sendwiċċ u nxomm ir-riħa tfuħ ta' tiġieġ Marks and Spencerjan mgħassed u jien għadni midfuna fil-ktieb. Jiftaħ il-bott u nisma' l-pxitt tal-gass ħiereġ minnu. Inxomm ir-riħa ħelwa ta' IRN BRU li tqallajt nixrob dawn l-aħħar jiem. Bis-sħab taħti qisha d-dinja meqluba ta' taħt fuq bil-baħar qisu sema, għadni naħseb għala ma qabadx u ħxieha lil Frances. Ja paċċu!

Inħoss tirbulanza. Is-sits jiċċekċku. Bu bumm. Ġieli nħossu ftit kbar u xi erpokits ċkejkna. L-istess esperjenza ta' meta tkun ħara f'soddtok wara lejl xorb qed tipprova torqod u d-dinja tħossha nieżla 'l isfel u int ma tistax tikkontrollha ħlief tipprova tagħlaq għajn m'għajn u titmellaħ bik innifsek li l-ħass ta' sturdament hu biss reali jekk taħseb fuqu.

Erġajna qed intiru mingħajr ħafna qbiż u waqt li qed nidra l-kalmezza tat-titjira ninżlu f'erpokitt. Bħalmeta toħlom ħolma li qed taqa' u qabel ma tmiss l-art tqum b'ħasda, imma did-darba mhix ħolma, u did-darba ma qomtx, imma ajruplan qed jinżel fix-xejn. Bejn l-aljenazzjoni tal-qari għax wasal biex jerġa' jiltaqa' ma' Frances, u l-aljenazzjoni li qed nipprova ninsa li qiegħda fuq ajruplan, ninħasad. Inserraħ idi x-xellugija nimbotta 'l barra lejn it-tieqa u bl-id l-oħra nitfagħha fuq l-armrest – mingħalija. L-armrest inħossha morbida. Ee? Wara ftit sekondi nħoss ras iddur, tħares lejja u nirrealizza li idi qiegħda fuq koxxet ta' ħdejja. Noice. Niftaħ ħalqi, nipprova noħroġ “Sorry”, imma kont ili ma nitkellem u ma ħarġet l-ebda tlissina. Minflok inħaqħaq u nerġa' ngħid l-istess ħaġa nkaħħal wiċċi mal-ħġieġa, nimlieha kollha fwar, inħares 'l isfel mit-tieqa rrid l-art tiblagħni. L-art kienet wisq 'l isfel biex tilħaqni u tiblagħni. Inħares lejn il-ħin u nirrealizza li baqagħli iktar minn erba' sigħat oħra lejn dal-persuna li bagħbast, bit-tfajla ħdejh tberraqli.

Thursday, August 15, 2013

Sitwazzjonijiet ħilwa

Dan il-blogg qiegħed hawn għal min ried jibqa' jaqra dan.

Sitwazzjoni #1:

Qiegħda bi trej xorb u waħda bdiet titkellem ma' sħabha "Marelli, kif iżżomhom. Kieku jien kollox inwaqqa'." Ma nindaħalx mill-ewwel għax mhux kulħadd ikollu aptit jisma' waitress titkellem. Però tibqa' tipprova tkun friendly u għidtilha, "Qe, darba waqqajt pinta Cisk fuq wieħed, if it makes you feel any better." U ħabibtha twieġeb "Ħeħeħe, anzi kien raġel, għax ma jgħidlek xejn jarak tfajla." U weġibtha, "Xorta, twaqqa' x-xorb fuqu mhux ħa jieħu gost. Ma qabadx jgħajjat ta jew hekk, imma jiġi regolari." Pawsa. "Actually ma tantx għadu jiġi, ħmm." U dħaqna lkoll flimkien għax fehmu l-implikazzjoni tas-sentenza. Jekk int ma fhimthiex, go fuck a duck.

Sitwazzjoni #2:

Kien hemm kollega qed inaddaf il-ħaġuwa tal-espresso biex jagħmel iktar kafè. Din ikollok bżonn issabbatha maż-żibel jew taqlagħha b'kuċċarina. Normalment tissabbat maż-żibel biex naqilgħuha. Pxx, mingħandu l-ħin juża kuċċarina? Insomma kien hemm mejda naqra 'l bogħod minn fejn kien qed iseħħ dan l-att u jien kont qed niġbrilhom l-ikel. Bdew jistaqsu bejniethom x'kien il-ħoss u minn fejn ġej u rajthom li ma ndunawx x'kien u għidtilhom, "Oh, that's just people banging on the table because they got fed up waiting for their food." U baqgħu ċċassati lejja. Għall-ewwel ma fehmux, mostly għax jien bqajt b'wiċċ serju, imbagħad għamilt *snicker* u għidtilhom, "Aaaa, I'm just pulling your leg, it's the coffee machine." U kellhom sigh of relief imdaħħqa u qaluli "Oh that would be just rude, now wouldn't it? Imagine that." U dħaqna lkoll flimkien.

Sitwazzjoni #3:

Mhux dejjem nipprova nkun il-joker jien. M'ilux kien hemm mejda Spanjoli u kellhom id-daqquqa. Staqsejthom jekk iridux xi ħaġa x'jixorbu u kważi kollha ħadu xi birra u wieħed minnhom qalli "I'm sorry, do you have less beer?" Ma fhimtx mill-ewwel u rġajt għidtlu jirrepeti u qalha b'nofs tbissima mqarqċa, "Less beer. Do you have it?" U weġibtu, "Qeee, no. We only have more beer around here." U dħaqna lkoll flimkien.

Vacancy: Part Time Waitress Wanted

Meta jkollok bżonn il-flus u ma tkunx tista' tagħmel mod ieħor ġieli jkollok iddaħħal subgħak (jew subgħajk  kemm trid) f'sormok, u taħdem ta' waitress, jew waiter  skont jekk għandekx penis jew le. Dawn huma mwejjed regolari li tiltaqa' magħhom xi darba jew oħra meta taħdem hekk, jew jekk tmur tiekol barra u tħobb tosserva. Meta niekol barra jien nipprova ma nkunx asshole bħalma kważi huma dawn l-imwejjed li se nsemmi.

1. Familji. Ħa nibda bihom għax li kieku nista' nkeċċihom barra mir-restorant, dawn ikunu l-ewwel nies. Ġieli jkunu familja waħda imma ġieli jħobbu jġibu r-razza u r-redika kollha u jimlew nofs restorant. It-tfal idellku t-tazez kollha sa punt li ma tkunx tista' taqbad tazza mġiddma b'id waħda għax tiżloqlok. Għajjat. Jagħmlu orkestra bil-frieket u skieken li jwaqqgħu kull għaxar sekondi u ġieli jinkiser xi platt bi żball (wara li jkunu ilhom jilagħbu bih) u tara li ħadd ma weġġa' u tgħidilhom li ma jimpurtax, meta fil-verità tixtieq li weġġa' xi ħadd, mhux b'mod sadist, imma għax mal-ksur ikunu kissrulek is-sentimenti ta' moħħok minn xħin daħlu.

2. Koppji. Leħen whiny, "Table for 2, please." Mennenene! Issellmilhom, u tpoġġihom fuq is-siġġu. Dal-qlalet, li jkunu magħmula għal xulxin ġieli jkunu edukati biżżejjed biex ma jwaqqgħux bżieq mill-bews kollu li jagħtu waqt li jistennew l-ikel. Imma, ħafna drabi jkun hemm minnhom li joqogħdu jixxabbtu u jagħtu bews, jekk mhux fiżikali, b'għajnejhom, minn naħa għall-oħra għax ikunu qed jibżgħu li ħarġu u ltaqgħu mad-dinja ta' barra wara tant jiem imsakkra jaħxu. Meta tmur biex tagħtihom il-platt jaħraq, jibqgħu id f'id fuq il-mejda u wara li tiskuża ruħek għal darba tnejn, u għat-tielet b'leħen bil-herra biex tpoġġi l-platt, jitilqu jdejn xulxin u jkunu se jmutu, tant li jerġgħu jpoġġuhom mal-ġenb. Jista' jkun joqogħdu jieħdu xebgħa ritratti biex meta jieqfu joħorġu flimkien joqogħdu jibku. Ħafna drabi jistaqsuk toqgħod tiħdilhom ritratt u tgħidilhom li mhux problema, meta eħe, problema għax ikollok xebgħa ikel x'toħroġ mill-kċina.

3. Il-kategorija tal-idjoti. Moħħhom fit-teknoloġija. Jistaqsu għal wi-fi password qabel ma jindunaw li għandhom il-ġuħ u jibqgħu sad-diżerta mingħajr ma jlissnu kelma ħlief sentenzi bħal "Illalu, rajtu xi ppostja l-ieħor?" Jew "Ara, mela qegħdin flimkien dawk?" Ġieli ma jkollix aptit nagħtihom il-platt u jkolli aptit inġegħelhom jieklu fuq it-tablet.

4. Il-professjonisti. Jekk tkun taħdem f'restorant posh jiġu ħafna minnhom. Dawn jaħsbu li d-dinja ddur magħhom għax huma tal-flus, u ħaddieħor mhux. Qed nirreferi għal avukati, politiċi, tobba u qanżħiet oħra tas-soċjetà*. Aħjar ma nkomplix ngħid iktar fuqhom għax fil-ħajja jaf niġi bżonnhom.

5. Nies sopranaturali. Dawn huma l-allat li jaħsbu li xħin jidħlu fir-restorant l-ikel se jaqa' mis-sema u jiġi eżatt quddiemhom, għax huma bil-ġuħ u jaraw biss ikel. Probabbli int u sservihom jarawk bħala biċċa koxxa ta' tiġieġa titkellem u fil-fatt ma jagħtux kas l-eżistenza tiegħek bħala individwa umana. Waqt li tkun qed tagħtihom il-platti jippretendu li tista' żżomm lista sħiħa ta' ordnijiet li jridu, u jkunu għadhom kemm qerdu għall-ikel bis-sarkażmu vojt tagħhom. Hawnhekk se nqiegħed ukoll dawk in-nies li jikkumplikaw ordni sħiħa. Se naqa' vojta u ngħid li jordnaw xi ħaġa bħal, "Emm, nista' nieħu l-quattro formaggio imma mingħajr ġobon, u bil-mushrooms?"

6. Studenti/barranin għadhom żgħar. Ma jonfqux ħafna u joqogħdu jsaqsuk fejn jistgħu "We want to partey." Ġieli jistaqsu wkoll għal Strip Clubs u biex tkun edukata u forsi ma jistupraw lil ħadd, tgħidilhom qisek tmur int stess. Il-ġuvintur, ġieli jidħlu mingħajr flokk u kontra qalbek ikollok tgħidilhom biex jilbsu flokk. Meta jkunu tfajliet tkellimhom u tistkerrah lejhom u tgħidilhom li, le ma jistgħux joqogħdu bil-bikini, għax qegħdin f'ħanut u mhux ħdejn il-baħar. Ptuħ!

7. "Parla 'taliano?" Dawn huma dawk il-boloh li jippretendu li kulħadd jitkellem bil-lingwa tagħhom. Jistgħu jkunu Taljani jew minn xi pajjiż ieħor fejn ma jeżistix l-Ingliż. Jien ma niġix f'pajjiżek nistaqsik jekk titkellimx bil-Malti għax m'iniex egoista (għalkemm ġieli tkellimt bil-Malti għax inkun xbajt nipprova niftiehem bl-Ingliż). Nixtieq nistaqsi għalfejn isiefru, imma għalxejn għax ma jifhmunix. Ta' waħda li rrid naqla' lira nwieġeb li nifhem xi ħaġa u jkolli naqla' l-vokabularju li tgħallimt fil-Form 3 "għal meta tmur tiekol f'restorant". Hah, the funny thing is that I've used that vocabulary iktar biex inservi milli biex niekol jien. Ma nafx x'ġara fis-sentenza ta' qabel din. Niskuża ruħi.

8. Table-for-1. Dawn ikunu normalment orrajt, għax jew ikunu tant solitarji li ma jkellmukx u jħalluk bi kwietek jaqraw xi ktieb, jew ikollok konverżazzjoni ħelwa fuq ix-xejn tal-ħajja.

9. Nies orrajt. Din il-kategorija hi għal dawk in-nies li ma jagħmlulekx lejl meqrud u jafu jmorru man-nies. Jiċċajtaw ħelu u meta tiċċajta magħhom tinduna li għandhom sense of humour, jekk tagħfas hawn tkun tista' tara l-esperjenzi li ġieli ġrawli u fuq kollox nuri wkoll li m'iniex waitress antipatka li turi li mxebbgħa mill-ħajja. Dawn jistgħu jkunu familji Maltin, familji barranin, jew mhux familji li jafu jirrispettaw u jagħtu l-ħin biex l-affarijiet isiru sew. Imma, kemm issib minnhom?

Imma m'iniex se ngerger kemm nitqażżeż inservi nies ingrati u maledukati. Li taħdem ta' waitress hu degredanti, staqsi 'l Jason.

*Minħabba li jista' jeżisti mqar wieħed minnhom li ma jkunx bħalhom, qed ninkludi din in-nota biex nuri li ma jistax ikun kollha kemm huma huma hekk.

Saturday, July 20, 2013

Qegħdin burgh u ajruplani

Qiegħda waħdi nħares 'l isfel. 'Il fuq mis-sħab, 'il fuq mill-ħsibijiet tiegħi nnifsi. Qabadni l-għatx. Kienu għaddejjin bil-kafejiet u tħajjart nixtri x'nixrob bl-għali fil-għoli fis-sema. Staqsejt għal tonic water u ħriġt  £10 biex ikolli naqra żgħar bqija. Tajtha l-flus u kellha tazza żgħira tal-plastik bħala kexx bil-flejjes fiha. Ma tantx kellha bqija Ingliża. Rajtilha €5 mill-ġodda. Qbiżt mis-sit tiegħi, "If it's easier for you I have €10".  Li ridt infisser b'dik is-sentenza kienet: jekk jogħġbok tini dik il-€5 bħala bqija. "Yeah that'll be mooch better", weġbitni. Ħriġt l-€10 u partatna ġo wiċċ ta' ħdejja. Qed tbagħbas fit-tazza u kienet se taqbad €5 antika u żelqitilha minn bejn subgħajha, u qabdet il-€5 l-ġdida. Kaċing! Eħe, għadni nżomm il-€5 ġodda. (Irreferi għal dan). Irrid insib ħobi...

Għalfejn l-affarijiet fuq l-ajruplan ikunu jiswew ħafna flus?
Għax ikunu m'ogħla s-sema. Ħeeee.

Tuesday, July 2, 2013

Taqlib l-għajnejn ta' Trademarks

Dan il-blogg hu b'dedika speċjali għal nies, tal-istess età tiegħi li jkolli naqsam l-istess arja magħhom, li meta jitilgħu t-taraġ tal-Università jaħsbu li r-raġġi tax-xemx għaddejja minn bejn il-weraq tas-siġar f'naqra żiffa huma l-flash tal-kameras jiħdulhom ir-ritratti.

Jien m'iniex persuna li nara lili nnifsi bħala waħda li naf nilbes, jew kemm-il ħin għandi naħli filgħodu u kemm-il kisja rtokk għandi nagħmel ma' wiċċi biex nissodisfa lil ta' madwari. Din il-kitba hi jien ngħid fuqkom kollha. Intom il-boloh li narakom madwari bi flokk ta' xi Ralph Lauren jiswa iktar mill-kilwa ta' ġo fikom stess biex tmur ħarġa flgħaxija bih li hemm probabbiltà kbira li se jagħmel kuntatt ma' mqar qatra remettar. Int bil-flokk tal-Fredy Perry li tmur tilgħab il-futbol bih u timlieh kollu terf u għaraq u minn abjad isir kannella.

Biex nasal għall-punt ta' dal-qrid, nixtieq li nibda nara flokkijiet bħal t'haw' isfel għall-bejgħ.

Ma naħsibx li n-nies li jixtru flokkijiet ta' kuljum ta' dawn id-ditti jagħżlu għall-estetika. X'hemm daqshekk sabiħ li jkollok erba' flokkijiet bl-istess stampa; żiemel u raġel fuqu jxejjer lasta? Jew kuruna tar-rant ma' żejża minnhom? Sirt naraha vera redikola li minn stampi li jittellgħu ta' xi avveniment ikun hemm sitta bl-istess marka ta' flokk, biss kuluri differenti. Hi tant redikola li għad naslu fi stat fejn il-maġistrat fil-qorti jaqta' sentenza bħal din: 

"Hu minnu li inti abbużajt waħda taħt l-età, imma liebes suit tal-Bortex, waqt li l-missier tat-tifla abbużata liebes waħda mingħand Marks and Spencer. Jien għalhekk, insibek mhux ħati."

Jew xi headline, "Żagħżugħ jegħreq għax irriffjuta jilbes life-jacket mhux tad-ditta".