Saturday, March 29, 2014

L-ipstar

X’għandek? ID number? Ok, se jgħajtulek minn Door 1. Inpoġġi u nixgħel il-laptop għax ġejt armata biex nistenna. Tfal jibku, nies bil-krozzi, wheelchairs, u iktar tfal jibku. Haw’, haw’. Lee, xi mmur xogħol immur, telagħli musmar bil-kontra t-Tnejn l'għadda. Użgur. Qalli li se jifqagħhuli. U tgħolli leħinha iktar mill-istorbju li haw’ fil-kamra tal-Emerġenza. Il-leħen ta’ Alla jgħajjat lin-nies jidħlu mill-microphone u jsejjaħ xi tabib. Xiħa fuq wheelchair tgħolli idha 'l fuq u 'l isfel, probabbli 'qas taf li qed tgħix. Tliegħeb u tbeżlaq. Il-ħajja tal-ostja, le? Trabi jibku. Raġel xiħ, b’dak il-leħen maħnuq kollu sigarri, il-mustaċċi sofor jitkellem fuq il-mowbajl jirraġuna bil-krozza u jxejjirha. Kulħadd iħarisli bl-ikrah għax ġibt l-imbarazz x’nagħmel u huma bored.

Jekk l-uġigħ li wieħed iħoss waqt li jkun qed jistenna mhux biżżejjed fl-Emerġenza, hemm it-televixin jagħti fuq il-Malti; TVM u noqogħdu nisimgħu ċ-ċapċip fieragħ ta’ Sibtek. It-trabi waqfu jibku għax l-omm li għandha mantell fuq rasha kollu labar qed ittemmagħlhom xi jowgurt, jew aħjar titmagħhom għax tidher li tħobbhom. Però, biss sekondi wara li spiċċaw jibilgħu, isabbtu jdejhom mas-seat vojt ta’ warajhom u jqażżu ringiela sħiħa ta’ nies bil-vibrazzjoni tad-daqqiet.

Jgħajtu ismi, kulħadd iħares lejja jgħir għalija u nqum ferħana qisni rbaħt xi ħaġa waqt li nħares madwari b’għajnejja jridu jgħidu, Ħaħa biċiss oqogħdu hemm. Imbagħad nagħmel naqra reality check u nimxi nzappap u mmur għal Door 1. In-ners timla xi karti u tgħidli biex nerġa’ mmur nistenna u jien kollni buri għax ħsibt li se nsib lil Ġesù u jagħmel miraklu fuqi u jfejjaqni.

Minħabba l-għażż u n-nuqqas ta’ ħajja soċjali li għandi, ma kellix aptit inqaxxar, allura qaxxart sieq waħda biss, però nirrealizza li jekk se jieħdu xi X-rays jew iridu jqabblu l-infiħ ta’ sieq man-nuqqas ta’ nfiħ fis-sieq l-oħra se jkolli ninża’ l-qalziet kollu u mhux qalza waħda. Amazing kemm jiflaħ jilħaqli moħħi. Jien ħa nkun bla qalziet, sieq sufija u sieq le. Waw. Mary Vella door 2. Ħeħeħe dortu. U fuq Sibtek  waħda tqaxxar id-diska, ridt ngħid, tħanxar id-diska ta’ Miley Cyrus, u jien haw’, nibqa’ nittortura lili nnifsi naqsam kamra ma’ nofs Malta.

1 comment:

  1. 'Jien ħa nkun bla qalziet, sieq sufija u sieq le.'

    This. hahahahaha

    ReplyDelete