Thursday, June 13, 2013

€5 u biskuttini

Kont imġewħa għal xi ħaġa ħelwa u tlaqt nixtri m'għand l-Aroma. Qed nagħżel liem pakket se nieħu. Minn wieħed saru tnejn. Minn tnejn żidt stoċċ ħelu. Qed nistenna u nħares dritt biex ma nżidx aktar... ħalli ma nżidx aktar. (Geddit? No? Ok).

Kien hemm waħda u waqt li qiegħda fil-kju qabżitni. Ħaristilha bl-ikrah imma ma setgħatx tarani bl-antipatija li kienet qed tinfestalha wiċċha, allura qgħadt inħares bl-ikrah lejn xagħarha iswed tuta nipprova nigriżah bir-rabja li kelli. Ħadet Tic Tac mill-imbarazz li jkun hemm fuq kull naħa. Pff Tic Tac, jee għax ħalqek jinten, bħalek! Int tinten! Fucken.. X'taħseb li int? Ġejja taqbiżni. Fffuck you. Ġiet biex tħallas u tefgħet l-imbarazz fuq il-kawnter. Red Bull. Ow, waħda minn dawk int..Qeuħ. Staqsiet għal xi sigaretti u ma kellux. Tal-ħanut qallha "Fajf twenti sevinn." U nara €5 mill-ġodda timxi minn id għall-oħra. Il-ħuġbejn imniżżla jberqu lej' dil-mara għolew 'il fuq bil-ferħ u kxift snieni.

Dal-aħħar qed inġemma' l-five Ewri* kollha li ħarġu ġodda biex imbagħad ikollhom joħorġu oħrajn għax ikunu "mitlufa". U JKUNU KOLLHA TIEGĦI! (Eħe, antiki hemm €7,537,335,100. Sors: Wikipedia. U ġodda ma sibtx kemm hemm imma se jkunu kollha għandi. Naf ukoll li l-flus antiki jkollhom aktar valur mill-ġodda għax ma jkunux għadhom fiċ-ċirkulazzjoni, imma tindaħalx).

Dak il-ħin moħħi ħadem hekk: Mela, dik il-five Euro se tkun minn tal-ewwel fil-kexx, u jien naf li se nonfoq inqas minn five. Naf ukoll li se nħallas b'għoxrin, allura l-bqija probabbilment se tikkonsisti f'karta tal-ħamsa, jiġifieri dik li għadha kemm tat din li qabżitni. U Alla ra li kollox kien sewwa.

*Naf li l-plural ta' Ewro/Euro mhux suppost jeżisti.



1 comment:

  1. andek blogg lussu mannn. jogbuni jin l-istejjer li ma jajdu xej u fl-istess hin jajdu kollox

    ReplyDelete