Monday, November 28, 2011

Il-Ħatfa.

Il-ħajja qatlitni. Il-weraq tqaċċtu mir-riħ salvaġġ tal-ħarifa. Memorji mċappssa mwaħħla jkomplu jmewtuni. Marda li tieklok. Iż-żmien li jibla' s-sekondi, jomgħod il-minuti, igerrem is-sigħat u jmeċlaq is-snin. L-għasfur tal-bejt li jħaffer u jisqer għal dudu, jinħataf mill-iljun qattus. "Estirar la pata". Żmien jittawwal, jittawwal mit-tieqa u bħall-qattus, lest biex jaħtaf l-ikel.

Il-bniedem ma jiftakarx ġurnata b'ġurnata, iżda b'dak li jseħħ; b'episodji, b'avvenimenti. Niddieħqu bina nfusna billi nitbissmu lejn il-ħajja mingħajr ma nintebħu li l-ħajja hi l-mewt u l-Mewt Hu l-għadu. Ħajta fraġli lesta titqatta', titmermer - dik li hi.

Tuesday, November 22, 2011

Il-Pragmatika u s-Semantika

Fuq fuq, Pragmatika hija dik li fil-lingwistika tikkontribwixxi għat-tifsir fil-kuntest, waqt li s-semantika hija t-tifsir tat-tifsir. Issa, kont qed naħli ħini u ġiet din f'idi. "MIN JAQTA' T-TIPJIP MA JWAQQFU XEJN".

Rajt xi flajer idur l-Università xi jiem ilu, u qrajtha fis-sens li meta tieqaf tpejjep, xejn mhu se jwaqqfek milli tieqaf tpejjep; jekk int determinat li tieqaf, se tieqaf. Fil-lingwa ta' dawk li jużaw dan l-aġġettiv li se nuża u niskuża ruħi minn issa għal min ma jużahx u għalija nnifsi, tkun kink man!

Illum, x'ħin qrajtha qbadt nitbissem waħdi. F'moħħi kellha tifsira totalment differenti. It-tifsira kienet din: Meta tieqaf tpejjep, ma tkun waqaft xejn, tkun qed titnejjek bik innifsek, għax mhux vera tista' tieqaf. Jidhirli li la l-ewwel waħda, u lanqas l-oħra ma hemm bżonn ta' virgola jew xi tip ta' punteġġjatura biex tagħmel distinzjoni bejniethom.

Bażikament nixtieq inħabbar li bejn wieħed u ieħor, qed nifhem ftit mil-lezzjonijiet, u int?

Wednesday, November 16, 2011

Inħabbar il-mewt.

Mort nara l-għasfura, u nsibilha ġisimha kiesaħ, mitluq. L-ewwel ħaġa li ġietni f'moħħi kienet, li rrid narmi kollox, u ġibt iż-żibel. Qiegħda kokka mal-art u ndunajt li għalkemm kelli xi tip ta' dwejjaq, ma kellix dak id-dwejjaq li kont inħoss xi ħames snin ilu meta mititli s-summiena.

Ma' din l-għasfura miet kollox, u spiċċa kollox. Ħassejt li fl-aħħar wasal it-tmiem. Wasal iż-żmien li nieqaf norbot qalbi ma' affarijiet materjali li jistgħu jkunu astratti bħal ħsus emozzjonali. Qbadt l-annimal f'idi u ħarist lejn għajnejha, u rajt qisha demgħa tfaqqas minn waħda minnhom. Geżwirt il-gozz rix fil-gazzetta, armejt l-iskalora li kien fadal u għalaqt il-borża sewda taż-żibel.

Kif bidlitli ħajti? Mil-lum 'il quddiem mhux se nqum għall-għajjat u storbju tagħha, mhux se nsib aktar wajers imgerrma, mhux se nsib ħara jew innaddaf biha ttir fil-kamra, mhux se nħares lejha jien u naqbadha u nħoss it-tifkira morra tal-memorja. Pass ieħor lejn ħajja mingħajr ħsus. Torbot qalbek ma' xejn u ma' ħadd, mhux hekk?

Sunday, October 30, 2011

Ir-restaurant.

"Hello, how are you, Sir?"
"Very well, thank you. And you?"
"Not too bad, not too bad. Table for two?"
"Yes, please."

Formalità li fl-aħħar mill-aħħar lanqas biss jimpurtak jekk kinitx se ttajru karozza hu u ġej, jew jekk kellux l-isbaħ ħaxja ta' ħajtu ftit minuti qabel mal-mara, għarusa, qaħba, jew x'għandu miegħu.

Nippassiġġa nġib l-ikel mill-kċina. Immur wara l-bar nagħmel xi drinks. Widnejja jixorbu li jkun qed jingħad jien u għaddejja 'l hemm u 'l haw'. Inqassam l-ikel u jordnaw xi xorb waqt li qed nipprova niftakar l-ismijiet tal-ikel li ordnaw.

"Jal Frezi, Tikka Masala, Korma, Beef Madras, Pilau rice, u Jeera rice. Orrajt? Enjoy."

Tirrollja l-"orrajt" ma' lsienek biex ma tħossokx se ssir Indjana b'dak il-vokabularju u jordnaw xi xorb ieħor. "Uija, ħa tieħdu xi ħaġa intom? Hekk jew hekk qalu li 4% tal-familji alkoħoliċi."

"Eh, ġie ċ-ċensiment hux? Għadni 'qas rajtu sew."

"U jekk mhux alkoħol, erbgħa fil-mija jiġbdu l-coke. Hekk qrajt, jien." Eħe, x'ħin haw' jien jingħad hekk, waqt li tħares 'il fuq biex tara l-ħarsa ta' wiċċi. It-tfal jilagħbu bil-melħ u l-bżar u jroxxu fit-tazzi.

Mejda tiekol, mejda titfewqu.
"Illalu kif se jġibni dal-Indjan, naħseb aqta' x'inhu ġej illejla."
"Ajma ħej. Smajtu, Amanda? Ara ħdej' min se jkollok torqod..."
"Ħeħħ, bħal pug id-dar se nkun qisni. Ġieli ngħollih mill-istonku, u jibda joħroġ gaaaass."

Ħoj, jien Maltija. Eh, stenn, jafu, għax bħal mejda ta' qabel, ħarsu 'l fuq biex jaraw ħarst wiċċi. Nitbissem bil-pulit, waqt li niġġudikahom f'qalbi.

Insaqsi mejda jekk iridux deżerta iżda mifqugħin. Iqumu biex iħallsu u jistaqsihom "Mela no dessert eh? You full?"

U twieġbu bid-daħqa, "Ħeq, what do you pretend?" False friends; expect. Ħalqi nħossu jiċċarrat mal-ħsieb t'hekk. "We eat so much and then we take the desert?" Iva, esse waħda, għax hekk ippronunzjatha.

Mejda Ingliżi, lestew mill-ikel. Lagħqu kollox. "All good, you enjoyed it?" Waqt li nibda nieħu l-platti.

"Did the chef change?"
"What do you mean? When were you here last?"
"Oh, I donno, about three weeks ago, eh, wasn't it, honey?" Waqt li jdur lejn martu.
Fehmtu li l-istess għadu, u saqsejtu jekk kollox orrajt, u qalli li ma kienx bħal ta' dakinhar. "Maybe he's having problems with his wife, then, eh?"

"I don't think he's married actually." Għidtlu bid-daħqa.

"Oh, well then that's the problem!" U kompla jidħaq.

Weġibtu b'leħen ta' righteousness u tbissima inkejjuża, "He doesn't have a wife now, and he didn't have a wife three weeks ago either, so I don't know what the problem is." U wrewni dawk is-snien sbieħ li kellhom xi ftit tursin, waqt li dawru d-diskors fuq kemm ili naħdem hemm.

Il-mejda tat-tfal iroxxu l-bżar u l-melħ qed jilagħbu bil-frieket. "Ijwa, irranġaħħa sew, għax se tagħmel mandra!" Waqqaft il-ħin. Ħadd mhu qiegħed jiċċaqlaq ħlief jien. Neħħejt il-platti minn idejja u għamilthom fuq mejda. Ersaqt lejn dil-mara, ftaħt il-pala ta' idi, qisha fjura fetħet għax-xemx, u tajtha daqqa ta' ħarta. Komplejt il-ħin, u l-mara ħasset wiċċha juġagħha imma ma tafx biex.

Thursday, October 27, 2011

Huma u Jien

Dak il-mument meta tibda tinnota kull ħaġa, kull mossa u kull difett ta' ħaddieħor. Wirja tal-librerija, tour - jekk trid. Iparla u jfiehem, u jien nagħti kas aktar tal-affarijiet iċ-ċkejkna li probabbli ħadd ma ta kas, waqt li nisma' jidwi ma' widnejja "Ara, dal-ħin fil-fatt, lanqas student Malti ma tara. Kollha barranin, imbagħad għax il-barranin bravi, mhux għax bravi, imma għax jafu jagħmlu sagrifiċċju."

Jien taħt ħalqu. Nara xofftejh tilgħajn 'il fuq u 'l isfel. Ilsienu. Snienu. Bilabjali. Labjodentali. Imleħħna. Ninnota li s-sinna li ċċarrat il-laħam biha tiegħu tan-naħa tal-lemin hi mimlija minn taħt kważi tmiss mas-saqaf ta' ħalqu. Tgħid weġġa' u qagħad jeqred hu u jagħmilhielu d-dentist? Aħna u mixjin ninduna li qed jinqala' l-qiegħ taż-żarbun tiegħu għax ir-rifless li beda ħiereġ minn dil-biċċa ħatafli għajnejja.

Nitilgħu taraġ. Jien nitlagħhom tnejn tnejn, biex inħossni twila, u kulħadd b'pass normali. Purċissjoni. Il-barranin iħarsu. Qegħdin Melitensia. Melita. Malta. Dak kollu li għandu x'jaqsam ma' Malta. Melita. Telephone lines. Il-moħħ farfett, jaqbeż minn fjura għal oħra.

Nara l-istudenti l-oħra nofshom iħarsu b'dak l-interess falz, ibaxxu u jgħollu rashom qishom mogħoż f'wied mimli ħdura mingħajr 'qas biss jafu x'qed jieklu. Oħrajn jippuppaw sidirhom u jħossuhom superjuri għax jilbsu bra size ikbar minn tiegħi.

Iħarsu bi stmerrija lejja għax jarawni b'jeans imqatta' komdu u l-ewwel flokk li sibt fuq il-mejda li ommi ilha teqred biex niżbarazza mill-ħwejjeġ tiegħi. Imbagħad huma bl-iktar żarbun skomdu li qatt seta' eżista, il-kalzetti kollha kuluri li jidhru mill-qalziet issikkat ma' sormhom, jew popsocks, li minħabba l-ġilda bajda karti li reġgħet qed tidher fil-ksieħ tax-xitwa jidhru qishom għandhom marda fil-ġilda.

Tuesday, October 4, 2011

Ħa jkollok tiġi għada ta' ħi

Mela darba sirt pustiera, u kelli ittra reġistrata. Ħabbat. Stennejt. Stennejt naqra oħra għax naf li toqgħod xiħa. Stennejt. Qed naħseb biex nitlaq għax il-ġurnata ta' qabel diġà ħallejt avviż. Fetħet! Storja sħiħa li rrid nistenna naqra (ħafna) biex tiftaħli għax tkun trid titla' t-taraġ. Smajtha kemm-il darba din l-istorja, imma tħobb tirrepeti dix-xiħa.

Bil-kalma kollha ngħidilha li nistenniha, għax 'qas ħaqq noqgħod nieħu l-ittra lura miegħi, u nitbissmilha. "ID card u firma jekk jogħġbok, hawnhekk, u hawnhekk; issoltu."

"Ħeqq, ID card? Mhux se niktibhielek ta' imma għax ma nafux bl-amment!"
"Mhux kemm tmur iġġib il-card, ibżax."
"Qeee, mela ħa noqgħod ninżel it-taraġ u nerġa' nitla'?"

Ħeqq aħjar għalik, hekk se jkollok tagħmel. Ejja ġirja s'isfel, xwejħ.

"Imma ma nistax neħodha mingħajr ID card ta', għax xorta jibagħtuni lura biha u ma jieħdu gost xejn."

"Mela, ara x'ħa tagħmel, u ejja għada biha ta' ħi, sorry, mhux se nerġa' ninżel dak it-taraġ. Leee, x'nagħmel!"

"Ma nistax niġi għada, għax din it-tieni ġurnata, diġà ħabbat ilbieraħ u ma fetaħli ħadd."

Nibqa' nħares lej' wiċċha jitbikkem, u jien nikkmandaha b'għajnejja biex tibda l-ewwel pass u tinżel isfel. Tibqa' titratieni. FUCKEN INŻEL!

"Ara, ġibt in-nuċċali miegħi, fil-fatt għax għidt jekk tkun il-pustiera, inkun nista' nara." Missek ġibt il-Jetpack ukoll, għax se jkollok tinżel isfel u terġa' titla' bl-ID card. Inżel 'aqqalma, ma jimpurtanix kemm għandek lenti ħoxna fin-nuċċali. Ara biss toħorġu minn dik il-borża li minjaf kemm ilek tużaha għal affarijiet differenti. Ħill ħarġitu! Iddawru tnejn ma' subgħajha, tkemmex xoffitha ta' taħt iktar kemm hi mkemmxa u mxiet lejn it-taraġ.

Inħares 'l isfel, nistenniha titlaq minn quddiem għajnejja. "Ħeħħħ, b'lura jkolli ninżlu ara t-taraġ, ma niflaħx jien, ma niflaħx madoffi, se jkolli ninżel."

M'għadhiex tista' tarani. Qbiżt fuq il-mutur, u ħrabt inqassam żewġ pakketti triq 'il fuq. Ħabbat, stennejt tliet sekondi u ħareġ ir-raġel tas-soltu bid-daqna. Ħa l-pakketti "Goodmornin' sweethearq, how are ya today, darlin'?" Weġibtu li kollox sew bħalma dejjem ngħidlu u bħalma dejjem isaqsi, sellimtlu u erġajt inżilt 'l isfel.

Sibtha tikteb fuq xi komodina. "Idħol ħi, idħol."

"Le, orrajt."

"Le, idħol, għax 'qas naf fejn għandi niffirma." Eh, basta bin-nuċċali.

"Mela, hawnhekk ara, isem u kunjom, u l-ID card."

"Issa sew, 'qas qed narah in-numru." Il-qaħba qaħba.

"Naqrahulek?" Għidtilha b'ton ħelu, imma jista' jkun inkonxjament ħtaftilha l-ID card minn idha xħin rajtha se 'tthieli. 'Qas ħallejtha twieġeb, u bdejt naqralha n-numri. U kelli nerġa' nirrepetihom għal darba, tnejn.

Qlajt l-istiker, ħadtha, u sellimtilha. Skużat ruħha, u għidtilha, "Le, anzi, sorry jien qgħadt inniżlek taraġ, imma jagħfsuna fuq hekk għax taf int, ikunu jridu jqabbluhom dawk, hux", waqt li ġo qalbi bgħattha tieħdu.

Monday, October 3, 2011

Jekk ġieli thewden

Kemm nixtieq għadna nitnejku b'ġisem xulxin, u nilagħbu, nitbagħbsu, nitħakku. Mumenti li qabel kienu jien u int, int u jien, u issa jkunu jien biss, imbagħad jien u nerġa' jien. Xi nħoss jien, u xi rridek jien, u fejn irridek jien. Għalkemm nissodisfak ukoll; ħalqi - li wara jagħtik tgħajjira li tibgħatni d-dar iktar sodisfatta minn dawk l-orgażmi kollha li tajtni matul iż-żmien tagħna flimkien, jaqtagħlek il-maskulinità tiegħek barra, sterili għal dejjem. Forsi vera ssir dak il-bniedem bla ħsus emozzjonali, dak il-bniedem li ffissa fuq xi ħaġa li tkemmex l-uċuħ, imma għal nies bħalek tkun l-unika ħaġa interessanti li jagħmlu f'ħajjithom malli jqumu.

Inġibek Lhudi waqt li ħalqek ikun miftuħ bi pjaċir, b'idek ma rasi. 'Il ġewwa. 'Il barra. Int imiss - bis-swaba' ġo fija, u b'idek mal-qabda, ngħajjat, waqt li naħseb fl-għajta b'signifikazzjoni differenti li stajt tgħajjat int kieku wettaqt dal-ħsibijiet qabel, meta kelli ċ-ċans. Ċans li jerġa' jiġi, imma sabiħ jitwettaq fil-ħin meta nibet il-ħsieb.

Li nifgak, li nara għajnejk jinqallbu u jsiru bojod ċassi. F'moħħi, jien l-aktar persuna b'saħħti, għalkemm int, għax in-natura hekk ħalqitek, b'saħħtek aktar minni. Imma fid-dinja tiegħi, nista' ngħawġek bħal zokk maqtugħ ta' dielja u nilgħab bik, sakemm fl-aħħar tinxef u tinqasam. Vażun f'xifer il-mejda, lest għalija biex nagħtih l-aħħar nefħa b'sebgħi, jaqa' mal-art, u jitkisser f'biċċiet li tajbin biss għal kinsa, jew tista' wkoll titfagħhom mal-ikel u jtaqqbulek l-istonku, waqt li tibla' d-dħaħen favoriti tiegħek fil-pulmun.

Nixtieq li kien fini persuna akbar, għal raġuni waħda - biex b'id inżommok, u bl-oħra ntik kull daqqa ta' ponn li ġġiegħlek tobżoq kull gidba li qatt għidtli. Inċarratlek xuxitek, u dak it-toppu stupidu li ma nafx xiż-żobb trid tgħid bih, li xi darba jien stess kont niggosta, jiġi f'idi b'ġibda waħda. Mhux bil-basla li konna nqattgħu mal-għaġin biss tibki.

Tiftakar meta darba kont tajtek daqqa ta' ħarta f'mument sħun, u għidtlek "Tigdibx, ma jistax ikun ħassejt xi ħaġa bl-adrenalina kollha ta' ġo fik bħalissa", imbagħad tajtni waħda int, kemm tkun pattejtha, u jien xorta ma ħassejthiex? Issa nibqa' ntik sakemm snienek tħosshom jinqalgħu u tobżoqhom 'il barra, jew anki nagħmlek tiblagħhom u tħosshom iebsin, jigirfulek il-pajp tal-ikel, tqal fuq l-istonku.

U dan kollu qas biss jibda biex inkun pattejtlek għall-ħmieġ kollu li ħadtni fih, xi ftit miegħek, u xi ftit 'qas biss taf int bih stess...

Thursday, September 1, 2011

Reverse Gideb

Xi darba kont u nofsni għadni naħdem fl-entertainment industry, u kienu jiġu ħafna tfal bil-gideb li joqogħdu jaħsbu dwarhom bil-lejl qabel ma jorqdu, biex jakkwistaw dik l-adrinalina ħafifa li jagħtik is-serq.

"Miss, tfajtilha token u mhix taħdem, ħaditli token", u lanqas tkun taċċetta tokens il-magna. "Misiżż, miss ma ħarġulhiex tickets" u sa sekonda qabel tarahom jifirħu bil-biljetti kollha li rebħu. Għal grazzja t'Alla, twaqqfu dal-ostra biljetti, u fil-ġurnata meta kulħadd kien qed jiġi jistaqsi dwar il-biljetti u jdawwar denbu b'wiċċ mimli buri, ġiet tifla u qantli "Miss, din din il-machine tatni three tickets biss." Lanqas biss kellhom biljetti ġo fihom il-magni, imma komplejt mal-gidba u bdejt nistaqsiha għala ma ħarġulix, u hi mifxula li qed nagħmel minn kollox biex ngħinha nġibu t-tickets. Fl-aħħar meta dit-tifla kienet se ġġibha bl-eċitament li ħa niftħilha l-magna biex nagħtiha xebgħa tickets, għidtilha li waqqfu, u li ma jistax ikun ħarġulha t-tickets. Ja ħsara!

Insomma u din it-taħdita mas-sinjorina tfakkarni f'meta kont nigdeb fuq xi ħaġa li ma kienx jaqbilli imma mbagħad kien jaqbilli ħafna maż-żmien. Skoprejtha meta fi żmien il-Milied konna nkunu mimlija kaxex taċ-ċikkulatini, u fosthom tal-Baci u jien ma kontx nieħu għax id-dark chocolate tqarrasli wiċċi u ma' lsieni nipproduċi ħafna bżieq biex nipprova ma ntegħimx il-konċentrazzjoni ta' kulur iswed f'ħalqi. F'kull familja jkun hemm dak il-ġurdien li jisraq il-ħelu, u l-Baci kienet tinsteraq ukoll. Il-mami kienet u għadha trid issib min kiel l-affarijiet, u meta kienet tiġi għal Baci, ħadd ma kien jippunta subgħajh lejja. Is-sena ta' wara taparsi ma bdietx togħġobni l-Ferrero Rocher jew kont nieħu biex inkun ħadt sehmi. U meta dik il-kaxxa kbira li qlajna rigal ommi kienet taħbiha f'moħba li nsir naf fejnu, kont naħrat sal-inqas farka ta' ġellewża li nsib.

"Min kiel il-Ferrero Rocher kollha?"
"Mhux jien mami, żgur, għax jien saret iddejjaqni - jaqq!"

Ma bqajtx nagħmilha, għax kont inħossni wisq superjuri fuq min ma kienx makakk biżżejjed biex jigdeb gideb intelliġenti bir-reverse.

Wednesday, August 31, 2011

It-toroq u n-naddâfa Maltin

"Inħobbhom, iva,
it-toroq twal u dritti;
iżda biex insuq."
Victor Fenech

Sleeping policemen bl-addoċċ, u ħofor kemm trid. Suppost immur dawra bil-mutur u minflok, ma' kull dawra li ndur, nitlob li ma niskiddjax jew nixkana mal-art. Tard bil-lejl bilkemm tara, u nħoss il-ħofor ma' sormi. Inħoss kull daqqa, u nibża' li għad insib waħda fonda, neħodha bir-rota ta' quddiem u ntir m'Alla.

Apparti l-karozzi li jibqgħu ħerġin meta qed indur f'roundabout u s-siġar li suppost qegħdin biex isebbħu t-toroq imma minflok jiblukkawni milli nara t-triq, hemm dawk il-ħassiela li joqogħdu jnaddfu d-djar tagħhom biex juru kemm huma puliti. Dawn biex juru lil kulħadd li ħaslu, minflok imqar jitfgħu l-ilma ma' geddum il-bankina, jitfgħu l-ilma f'nofs ta' triq, qabel ma wieħed jiġi biex idawwar u wii tiskiddja żurżieqa għal għonq it-triq.

Jumejn ilu, fid-29 ta' Awwissu hekk ġrali. Il-mera tax-xellug saret frak mal-art, bħalma l-iskutella ta' rkoppti qriebet fl-istess stat, bid-demm iċarċar minni. Li waddbet l-ilma f'nofs ta' triq (hekk sirt naf wara), ħarġet tara jienx "orrajt". Xiħa teqred u ssaqsieni jekk nistax inqum, meta kelli l-kustilji jifgawli l-pulmun u ma stajtx nieħu nifs. Dak il-ħin, bdejt niftakar fit-test tal-mutur tat-teorija li qgħadt naqra s-sena l-oħra bħal daż-żmien. Kien hemm mistoqsija tgħid xi ħaġa hekk:

Jekk ikun hemm xi ħadd ġralu aċċident, x'tagħmel l-ewwel:
a) Tieqaf u toffrilu sigarett
b) Tieqaf u tara jekk iridx xi alkoħol biex jinsa
ċ) Tieqaf u tara li qed jieħu nifs sew
d) Tieqaf u tipprova tqajmu

U f'dak il-mument, x'ħin tbissimt f'qalbi niftakar f'did-domanda, sfurzajt lili nnifsi nieħu nifs kbir 'il ġewwa u qomt.

Insomma, dix-xiħa sabet l-oppurtunità biex tgerger ma' din is-sinjura. Jien bejniethom inqajjem il-yamaha żmagat.

"Jien 'qas qatra ma narmi mal-art. Hemm ħa! Kull darba tarmih mal-art l-ilma. 'Aqqas qatra ma narmi, miskina."

Qed inħoss bżieqtek fuqi, xwejħ; iktar minn qatra waħda.

"Ħeqq, 'ġixxt ibramel kulma kelli, 'qas li tfajt ħamsa."

Yeah well, sperma waħda minn dik il-liba kollha, kella bżonn f'għoxxha ommok biex ġejt int u llum tfajt l-ilma (probabbli bħal kull ġurnata oħra) u jien tirt. Nipprova nistartja l-mutur u bil-ftit saħħa li għad fadalli nwaqqgħu free u 'ntih; darba, tnejn tlieta. No no, qalli.

Għamiltu mal-ġenb u x-xiħa għadha tinkorla ma' tal-pharmacy; mhux għax jimpurtaha minni, għax fil-fatt ħlief issemmi l-ilma ma bdietx, għalkemm b'xi mod bidlet il-kliem biex iġibuli tabib. Irrifjutajt u d-diskors reġa' waqa' fuq l-ilma bis-sapun (ilma msappan? Ħeħe). "U fejn tridni nitfgħu l-ilma?"

Ħaditni ġewwa fil-pharmacy iddewwini, għax hekk qablilha. X'ħin daħħlitni f'kamra li bilkemm tista' ddawwar sormok jekk tuża t-toilet, kelli analessi tal-kliem "U fejn tridni nitfgħu l-ilma?" Baħbaħt il-ġerħa b'ilma fietel, u waqt li jien friska bħal ħassa, hi ppanikjatha bdiet iġġibli xugamani, taħsilli sieqi qisna qegħdin f'Ħamis ix-Xirka u tajjar u isfar u surgical spirit (li rrifjutajt li jintmess ma' laħmi) u ma nafx x'aktar. Missni għidtilha tagħmilli kikkra kafè ħalli "nikkalma", u 'qas jogħġobni xi ħafna l-kafè - imma hekk, nuriha aktar li għalkemm mingħajr saħħa, għandi iktar setgħa minnha.

Ilbieraħ b'sieqi x-xellugija ma nistax ngħawwiġha, kważi tmiss mal-art jien u nsuq, għaddejt mill-istess rotta tas-soltu, u ilma ma kienx hemm. Jaqbillek le, bhima!

Sunday, August 21, 2011

Ħolm antipatku

Meta toħlom ħolma li tant iddejqek li x'ħin tqum tħossok qisek ma rqadtx. Ħolma li tfottilek raqda u ma jkollokx kontroll fuqha. Xi jumejn ilu qomt fl-erbgħa ta' filgħodu. La qomt, mort sal-loki nbul u erġajt dħalt norqod. Siegħa u nofs wara erġa' qum għax-xogħol, kurnuta.

Għalaqt għajn m'għajn u ntlift. Ma nafx kif jaħdem il-ħolm. Għamilt siegħa u nofs noħlom li qed nissortja l-ittri u nipprepara mal-kollegi biex infittxu mmoru nqassmu. Fil-ħamsa u nofs stenbaħt b'"and I might drink a little more than I should, tonight." u l-leħen antipatku tar-radju.

B'għajnejn imperrċa mort naħsel wiċċi u bdejt nilbes. Tlaqt 'il barra fid-dlam ta' jum ġdid. Wasalt ix-xogħol u nsib kaxex fuq kaxex ta' ittri bojod, bla ħajja bħali, jistennewni. Daqsxejn ta' ittra li probabbli għandha aktar essenzjalità minn ħajti. Karti fuq karti. Triq in-ngħas. Triq kemm ħa norqod. Triq qum u aħdem. Triq il-bagħal tas-sienja. Dar il-ħolm.

Mentalment ħdimt siegħa u nofs aktar jien u ma tħallastx għalihom. Diġà ġratli ħolma simili. Għaxar snin ilu. Il-Ħadd, qabel qomt - ħlomt li mort il-quddies. Ħlomt il-quddies kollha. Il-patri li ssoltu jqaddes, l-Evanġelju repetut. Il-parabboli li minjaf kemm-il darba dwew mal-ħitan għolja tat-tempju...

"Mar qum minn hemm għal tat-tmienja u nofs."
"Ma rridx" għidtilha mqanżħa.
"X'tagħmel?! Qum minn hemm-issa!"
"Diġà mort, ma."
"Mhux vera. X'ħin?"

Ftaħt għajnejja u weġibtha "Ħlomt li mort il-quddies. Kont hemm int ukoll, bilqiegħda ħdejja. M'hemmx għalfejn immur, lanqas int!"

"Dik ma tgħoddx għax ħolma."
"Imma kienet bil-Vanġelu u b'Omelija twila, u tqarbint ukoll!"
"Tiftakru l-Vanġelu?"
"Le, imma jekk immorru xorta mhux se niftakru wara, allura m'hemmx għalfejn."

Għereżijiet minn fomm bintha? Mara tant reliġjuża u familja magħquda tant m'Alla! Kif jista' jkun jidħol dan il-ħażen f'ċellola li kienet tagħmel parti minnha din il-mara? Bagħtitni nilbes, u jien bgħattha tieħdu bil-mod li kont naf dak iż-żmien - jiġifieri b'ħafna qrid, u għidtilha biex tixtrili ċikkulata.

Il-qrid ma ħadimx dakinhar, u snieni l-Ostja u l-patata l-forn biss gidmu.

Thursday, July 14, 2011

Kien, hu.

Kont il-werqa tal-friegħi, iż-żerriegħa għall-kanarin, it-tikħil għall-ħajt, il-pum għall-bieb, ir-riflessjoni għall-mera, il-basla għax-xagħra, il-konkrit għat-toroq, it-tajers għall-karozzi, il-lapes għall-kitba, l-għoqda fil-ħabel. Issa m'int xejn aktar ħlief l-istmerrija f'qalbi, l-iswed fl-irmied, it-togħma qarsa fi ħsibijieti, in-nemus tal-ilma qiegħed, it-trab f'għajnejja, il-bili fi bżieqti, l-għaraq iweħħel fis-sħana, it-tbenġila wara daqqa ta' ponn, il-ħruq tad-demm jagħqad, il-ħġieġ imfarrak ta' vażun, is-sadid, il-kamla, il-ħmieġ, iż-żibel, is-susa, ix-xewk...

Thursday, July 7, 2011

Ir-Rotta

Qomt u ħassejt li ġurnata sabiħa biżżejjed biex immur nistad naqra bil-kwiet. Qbadt tal-linja għal Mosta u wasalt fuq stage li kien hemm miktub "128 Baħar iċ-Ċagħaq". Stennejt xi għaxar minuti u waslet tal-linja. Waqqaf u fetaħli.

Minflok staqsejt jien lilu, ix-xufier staqsieni "Tafha r-rotta?" Għidtlu li ma kontx nafha u qalli biex nitla'. Tlajna san-Naxxar u qed induru nippruvaw insibu r-rotta skont l-istages li naraw bil-kontra. Għidtli li aħjar insaqsu xi pustier, imma minflok staqsa lil wieħed li kien għaddej, u bagħatna fi triq ħażina u dejqa, u d-driver beda jgerger għax "jien mhux Mini Minor għandi ta'

Għadu qed jipprova jara r-rotta. Kulħadd bir-rotta tiegħu, u ħadd ma jkun raha qabel. Fit-triq trid tistaqsi lil nies li ma tafx, li trid tieħu ċans jekk għandekx tafdahom jew le. Jistgħu jibagħatuk fi triq dojoq li bilkemm tista' toħroġ minnhom, f'oħrajn li 'qas taf fejn tiġi, u f'oħrajn li jwassluk eqreb għad-destinazzjoni tiegħek. Kulħadd għandu l-jhedd li jagħmel ir-rotta tiegħu. Ħadd ma jagħmel ir-rotta mill-ewwel tajba, għax kulħadd se jgħaddi minn toroq u jirriskja li dik hi l-aħjar triq biex jasal fejn irid.

Ħriġna u nħlisna, u sibna tlett ixjuħ iparlaw, għamel sinjal b'idu u fetaħ. Beda jistaqsi l-istess affarijiet baqgħu jkellmuh fuq il-bankina, u qalilhom "Edħlu haw' edħlu, haw' il-fresk haw' ħija."

"Iddur mar-rawnabawt trejd, imbagħad toħriġ dritt u tibqa' tiela' biex tasal għal Musta."

Irringrazzjahom u bqajna nitkellmu fuq ir-rotta u t-toroq. Imbagħad fl-aħħar għidtlu jien li kelli miktub Baħar iċ-Ċagħaq, għidtlu, "Imma tgħaddi din, le?" U qalli li mhux se jgħaddi għax m'għandux miktub fuq il-karta.

Waqqafni l-Mosta, minn hemm erġajt qbadt għall-Belt, u tlaqt lejn id-dar. Verament ħadt gost nistad!

Monday, July 4, 2011

Għand id-Dott

Il-ħajja marda assurda li toqtlok bil-mod il-mod. Lili qed toqtolni wkoll, u t-tobba jieħdu vantaġġ minnha. Qed nistenna għand l-ispiżjar biex nidħol għand it-tabib. Wasalt l-aħħar waħda, u hemm xi nies oħra jistennew. Iddejjaqt nistenna u qed nara ktejjeb tal-Arriva biex nara x'għandi naqbad tal-linja. Ma nistax nifhem ir-rotot u qed inqabar il-ktieb u ndawru fi tromba.

Sadattant xgħelt l-mp4 u daħħalt il-widna. Il-ħin għaddej imġebbed. Jien qiegħda bil-wieqfa u sieqi l-leminija ttektek u l-leħen ta' ġo fija jwaħwaħ u jħanxer bl-uġigħ. Ma sibt xejn x'nagħmel ħlief nissendika n-nies u nipprova nassumi għal xiex ġew għand it-tabib.

Tifel imbaċċaċ, li minn taħt il-għajn ħsibtu tifla qed jintefħulha r-rummien. Kellu siequ l-leminija mimlija ġrieħi u bil-krozzi. Il-krozzi kienu għand ommu u qed jeħodhomlha biex jilgħab bihom taparsi bis-senter. Għall-ewwel tbissimt imma meta beda jieħu gost li ċarratt ħalqi, beda jagħmilha biex jitqażżeż, u dejjaqni. Meta qam għax kien imisshom huma, zappap, u kellu l-pala ta' siqu milwija. Aċċident. Il-marki kienu ta' xi ħadida jew xi ħaġa li daħlet f'koxxtu, xi ħaġa li tniffed sew. Probabbli ta' karozza jew xi ħaġa li ġiet min-naħa waħda, għax l-uġigħ u l-marki kienu fuq naħa waħda ta' ġismu.

X'ħin qamu, kulħadd iċedi għaż-żewġ postijiet vojta, imma fl-istess ħin kulħadd joqrob lejn is-siġġu għax l-egoiżmu jiekol 'il-bniedem. Wieħed oħxon, ħalla lil mara għadha naqra żgħira, tpoġġi. L-oħxon - testijiet tal-cholesterol u mbarazz li jkollhom nies ħoxnin meta jibdew jixjieħu. Il-mara l-waħidha żżomm żaqqha, forsi tqila, u għalhekk fuq kollox riedet tpoġġi?

Ħarġu li kienu għand it-tabib u l-mara qiegħda tixtri Bisolvon. Qed nistenna l-mara tisgħol. U sogħlot. Ħaħ, ħu gost tiegħem togħma antipatka ma' ħalqek li ddejqek filgħodu, fl-ofsinhar u flgħaxija.

Haw' koppja qegħdin ħdejja, u r-raġel għandu xi erba' karti blu minn dawk il-karti qishom Rizla. Probabbli kemm jimlihomlhom it-tabib biex iġibu koċċ pinnoli b'xejn. Il-mara għandha snienha mfattra, aħjar marret għand dentist.

Ħarġu tal-krozzi, u kien imisshom tal-karti l-blu. Kien hemm helmet mal-art u ppruvajt naqta' ta' min hi. Kien hemm raġel kellu xagħru naħa mqaxxra u kellu toppu. Żaqq mimlija birra, u liebes ikrah, u ħsibt li forsi tiegħu. Sakemm kont qed naħseb fuq il-helmet, ħarġu tal-karti l-blu.

Saru s-sebgħa neqes għoxrin u baqa' jien u raġel imbaċċaċ bil-qargħa. Il-helmet għadha hemm. Qam minn postu, ħa xi mediċina li kien hemm fil-helmet u qed jaqra li jkun hemm fiha. Ħmm, mela mhux ta' dak kienet il-helmet. Għaddew xi għaxar minuti u wasalt biex nidħol, u jien u dieħla l-ispiżjara kienet kollha ferħana għax spiċċatilha ġurnata oħra ta' xogħol.

Saturday, July 2, 2011

Ingawdi tal-linja sal-aħħar

Għamilt xi siegħa nistenna fuq xi stage bħal kurnuta, u fl-aħħar ġiet tal-linja. Qbadt is-65, u x-xufier kien qed jidgħi fuq il-mowbajl rigward xi flus u xogħol. Ħallastu u stage wara telgħu l-eħmeġ ħama li tista' ssib f'qiegħ il-Magħtab wara li jkunu għadhom kemm tefgħu demel frisk u tagħmel ix-xita u jitħallat mal-ħamrija u jmur kelb jagħmel rawta u jbul fuq dan il-ħmieġ.

Jien qiegħda bilwieqfa u anki huma. Jimbuttaw qishom tfal żgħar (oh wait...), u koċċ daħq fil-vojt fuq l-iċken dettall banali li jistgħu jaraw. M'għidt jagħmlu xejn daqstant ħażin, in-natura tagħhom - mhux hekk? Qamet waħda u ta' quddiemi jimbotta biex ipoġġi hu, ħallejtu jpoġġi jew aħjar, ħallejtu jimbotta u poġġa u kien ferħan bħalma tarbija 'ttiha naqra żejża biex isoddilha ħalqha. Sħabu qed jimbuttaw u qed inħares bl-ikrah. Bdew jgħidu sorry, u jkomplu jimbutta u jien ma ngħid xejn. Imbagħad fetlilhom li jdoqqu il-ħajta tal-qanpiena, għax dik l-unika ħajta li jistgħu jmissu apparti tagħhom. U daqqew u reġgħu, u d-driver waqqaf għax ħaseb li xi ħadd irid jinżel.

Waqqaf. It-turisti kollha jħarsu madwarhom għax ma jafux x'se jiġri. Ix-xufier dar lura, u x'ħin rajt hekk, neħħejt il-headphones minn ma' rasi. U qed nisma'. "You wanna take a hike? Qee? Who called it? Who? I stop you right here and you take hike? Eh?" U baqa' jirrepeti l-istess ħaġa. Il-ferħanin bdew jidħqu u jħarsu bl-ikrah lejn it-turisti u jgħidu b'sarkażmu "iii x'arukaża". Tħassart lit-turisti (għalkemm xorta jdejquni meta jrossuni barra mill-bankina) u lid-driver għidtlu b'leħen mgħolli,

"Aħjar tgħidha bil-Malti naħseb, għax mhux it-turisti daqqewha fil-vojt il-qanpiena ta."

Id-driver tani ħarsa għax qisni waqqajtu għaċ-ċajt imma fl-istess ħin urejtu l-verità. Tahom ħarsa kerha, u kompla miexi. Xħin mexa, dawn daru kollha fuqi u qabdu jeqirdu "Kieku ridt tgħdilna xi ħaġa missek għditilna f'wiċċna ta', mhux tgħid lid-driver imma f'wiċċna." Sadattant it-turisti kollha qed iħarsu lejja b'sens ta' konfużjoni għax ma kenux jafu x'intqal, imma naħseb basru x'kont għidt.

Kelli aptit ngħidilhom ħafna affarijiet dak il-ħin, fosthom - "Aħjar tqaxxar dak ix-xagħar, u ġġib attitudni sura ta' nies", jew "Biex imbagħad tgħiduli ma nindaħalx għax xorta kontu tiddejqu li xi ħadd qed isikkitkom għax tippretendu li għax kibrilkom naqra suf mal-bajd taħsbu li tistgħu tqażżu tal-linja sħiħa?" Imma minflok, ħarist fiss f'għajnejh u għidtlu, "Din tal-linja tad-driver mhix tiegħek, allura ħassejt il-jhedd li ngħid lilu u mhux lilkom." Baqa' jeqred u jparla fil-vojt u xi żewġ stages wara niżżlu u daqqew il-qanpiena għal aktar drabi. Id-driver sikkithom u heddidhom li jwaqqafhom hemm, imma kienu niżlin. Iżżufjettaw waqt li għaddiet tal-linja u jien ħarist 'il quddiem biex ma 'ntihomx il-gost li nħares lejhom.

Thursday, June 23, 2011

Insomnia

Tkun rieqda u tħoss li lsienek m'għadux jgħum fil-bżieq ta' ħalqek. Tqum u tfittex dak il-flixkun ilma li suppost għandek fil-kamra. Ma ssibux, tgeżwer liżar miegħek u tidħol f'kamart ħuk biex tara għandux. Nixfa wkoll. Tinżel isfel u timla tazza mimlija silġ u titfa' naqr' ice-tea u tixrob xi erba' tazzi sakemm tħoss ħalqek bżieqi. Titla' fuq u tintebaħ li n-ngħas raqad, u l-irqad indifen. Il-ħamsa ta' filgħodu u ma hemm xejn x'tagħmel. Nofs siegħa wara, u l-għasafar tal-bejt qamu jpespsu u tismagħhom jgħajtu 'l xulxin. Il-fann tal-kamra jdawwar l-arja sħuna mal-kamra, u waqt li tħoss l-għaraq ixoqq minn ġbinek tipprova tgħaddi ż-żmien billi tilgħab b'dellek. Il-ħsibijiet iħokku ma' mħaddtek u għajnejk mixruba. Tixtieq li n-ngħas iħokk mal-imħadda imma lejl qabel xrobt sal-inqas kelma minn fomm ħaddieħor u analizzajt kull dettall subkonxjament waqt li torqod. L-affarijiet tal-passat jixxabbtu mal-preżent u jiggranfawlek mal-futur....

Saturday, June 11, 2011

Star, il-kelba li mietet.

Ħafna nies semgħu b'din il-kelba li baqgħet ħajja wara li xi ħadd "krudili" sparalha u difinha. "Missu jistħi", "kemm hawn min hu demel"..u kummenti simili kontra min għamel dan l-att. L-ewwel darba li smajt b'din il-ġrajja, ħassejtni mħassba - għala xi ħadd jagħmel xi ħaġa bħal din lill-kreatura li għex magħha? U l-media tat il-ħsibijiet tagħha wkoll u ġġerri l-kelma bħal tifel fil-pubertà lill-ġismu.

Meta mietet reġa' qam l-għagħa fuq din il-kelba, għax mietet, u miskina, u ma ħaqqhiex, eċċ. Hawn min għamel video fuqha (u "official" ukoll, importanti), u paġni fuq siti tal-Facebook, biex issir ġustizzja u titqajjem aktar kuxjenza fuq il-krudeltà tal-annimali. Eħe, proset talli ġabet kuxjenza din il-kelba, u proset talli ħolqot inspirazzjoni lil dawn iż-żgħażagħ. Ilbieraħ smajt ukoll li se jaħarqu ġisem il-kelba u l-irmied jippreservawh u jagħmluh f'mużew, u n-nies trid tagħmel ukoll mafkar f'isem din il-kelba.

Waqt li qed nara l-istampi u artikli ta' din il-povra kelba, il-verb "shot" u l-istampa tal-ġilda ta' rasha mtajra fakkritni fil-karattru ta' Lennie f'Of Mice and Men. Jista' jkun li din il-kelba kellha marda serja li ma setgħetx tfiq minnha u kienet qed tbati? Min qara dan il-ktieb, jaf kemm kienet diffiċli għal George biex qatel lil sieħbu li tant iħobb - Lennie, u għaraf biex jisparalu fuq il-wara ta' rasu biex ma jħossx uġigħ. Forsi min spara lil Star, ma kellux il-qalb biżżejjed biex jeħodha għand tabib tal-annimali u jagħtiha l-labra, għax ma jemminx biha. Klieb jew annimali morda mhux hekk kienu joqtluhom qabel - sparatura f'nofs rashom? Kellha 40 ċomba; naħseb li l-ewwel difnuha l-kelba mbagħad sparawlha, allura ma setgħux ikunu ċerti jekk ħelsitx mit-tbatija jew le. Għand min kienet jafha aktar minn xiex kienet għaddejja min-nies żgur.

Li rrid ngħid hu li bħal ħafna drabi, in-nies tara naħa waħda tal-istorja - dik li ttemmagħlha l-media; dik li taqla' aktar geġwiġija biex issir popolari . Allura, boloh intom li ma tafux taħsbu għal raskom u ma tafux tfittxu l-verità u taħsbu bħala nies loġiċi u tpoġġu lilkom infuskom minflok il-"qattiel" u mhux minflok il-kelba. Kien hemm ċerta persuna dejjem kien jgħidli "Għaddi kollox mill-għarbiel" u nħossni li f'dinja fejn kulħadd irid ibellagħlek kollox, għandi bżonn nagħmel hekk. Din il-kelba mietet għax kellha xi ħaġa ħażina fil-frixa. M'iniex tabiba imma ma naħsibx li għandhom x'jaqsmu l-isparatura ma' biex mietet fl-aħħar mill-aħħar. Għalhekk b'konklużjoni nixtieq ngħid li ma nafx għala mill-ewwel qatgħuha li dan l-att kien att ta' krudeltà. Nemmen li ħadd ma jagħmel xejn għal xejn - u nixtieq inżid xi ħaġa li m'għandhiex x'taqsam ma' li qed ngħid, imma l-Animal Welfare qalgħu kemxa donazzjonijiet.

Monday, June 6, 2011

Qed nikxiflek, ejja igdimni!

Il-ħin hu xit-tlieta. M'intiex daqshekk konxja, imma int konxja biżżejjed biex tikkontrolla l-ħolm. Toħlom stramb, imma mmanipulajt lil moħħok xi tridu joħlom. Taf li qed toħlom, u taf li rieqda. Tħokk il-laħam ta' saqajk, sakemm tant tħokk li ma' kull ħakka ir-realtà tiġbdek lejha. Tieqaf tħokk, u terġa' taqa' toħlom. It-tlieta u nofs; ħakk fis-sieq l-oħra, u terġa' l-istess storja.

L-erbgħa: tisma' dak il-ħoss sajfi, irritanti ma' widintek. Ħoss ċkejken li għandu l-potenzjal li jżarżarlek widnejk u tqum minnufih. Ilek sagħtejn sħaħ tħokk saqajk, waqt li n-nemusa redgħatlek ġismek kollu. Tiftakar li ħassejt is-sħana u rqadt mingħajr qalziet - tajjeb wisq! Saqajk mimlija gdim, u redgħat ħomor 'il fuq sa kuxxtejk.

Taf, li jekk se terġa' tmur torqod, se titqajjem bl-istess ħsejjes u bl-istess ħakk. Tqum u tixgħel id-dawl. Għajnejk jitgħammxu bid-dawl u għadhom kollha żliġ u sħab mal-ħabba. Togħrokhom. Tisma' serduq jidden u taħseb bejnek u bejn ruħek: Min iż-żigg ġab serduq?! Il-fekruna qamet ukoll, u qed iċċafċaf fl-ilma. L-għasfura mgħottija u għadha ma bdietx teqred. Tħares lejn in-naħa tal-lemin fejn hemm il-ħajt biex tara tinzertax il-biċċier. Taraha hemm, ma' dahar il-ħajt; imwaħħla, tistenniek biex terġa' tmur torqod. Inżeggeg, bhima!

Tqum mis-sodda bil-mod, taqbad il-fajjara, u ssabbatha mal-ħajt. Tara xi ħaġa ttir, imma ma tafx jekk hux in-nemusa mejta, jew in-nemusa l-ħajja. Qtiltha jew le? Tipprova tinsa l-fatt li qed terġa' tħokk. Issa saru l-ħamsa u għoxrin u ma tistax torqod; la int, u lanqas il-ħut li qajmet magħha l-fekruna.

Il-ħamsa u nofs - int għadek ma rqadtx u diġà qed tisma' l-alarms tan-nies idoqqu biex iqumu għax-xogħol. Ma tistax torqod u taf li minn hawn u sagħtejn oħra ġejja oħtok teqred biex tqum għax ftehmt magħha li se toħorġu. Tajjeb. Tfittex affarijiet relatati mat-tortura li għaddejt minnha, u tibda taħseb biex tagħmel liżar minn dawn u torqod taħtu.

Saturday, May 28, 2011

Demm imdemma'

Irridek tgħannaqni minn warajja u waqt li idejk qed jaqbdu qaddi, inniffidlek qalbek, bħalma niffidt tiegħi. Nibqa' nagħtik bil-mus sakemm demmek jitbeżlaq minn fommok u nara snienek jiħmaru waqt li għajnejk jitilgħu 'l fuq u tieħu l-aħħar nifsijiet ta' ħajtek. Nagħfaslek il-polz ta' idek sakemm ma tiflaħx iżżomm aktar u tipprova tinħeles. Inċarratlek il-gerżuma u niġbidlek ilsienek 'il barra minn m'għonqok. Dak l-ilsien li għalkemm issodisfani, weġġagħni u mewwitni.

Thursday, May 19, 2011

Ħolm u rqad

Meta tqum filgħodu b'ħoss itambar li ma stajtx twaqqfu għax daħal fil-ħolma u ma kontx taf li tista' twaqqfu fid-dinja tar-realtà. Il-leħen ta' oħtok jgħajjat jigranfa mat-tanbur ta' widnejk u jġibek konxja li qiegħda f'ħolma u għalhekk ma tistax twaqqaf il-ħoss. Tinħasad u tqum. Tagħmel minn kollox biex titfi u teħles mill-ħoss. Terġa' tmur torqod imma ma tistax tħoss widintek il-leminija għax irqadt bil-qarquċa mgħawġa mal-imħadda. Laħam rieqed imma qed iweġġa' u jniggeż. Tipprova tibqa' mqajma u kunfidenti li se tibqa' wara dawk il-movimenti kollha. Kemm tiċċassa naqra fix-xejn b'rasek minduda. Tinsa l-widna, tinsa l-ħoss antipatku li qajmek. Terġa' taqa' fil-ħofra tal-ħolm u ma tista' tinħeles b'xejn. Sagħtejn wara tqum u qas taf jekk dak li ġara seħħx veru jew le.

Monday, May 16, 2011

Biskuttini

Lestejt minn eżami u dħalt f'ħanut biex nixtri xi ħaġa tal-ikel. "aħħ shortcake biscuits biċ-ċikkulata tal-Cadbury", u ħadt pakkett li kien hemm warajhom, jew ħdejhom. Stennejt sakemm wasalt id-dar biex niftħu.

Ħija telaq mill-kamra u ppjanajt li niftħu ħalli ma 'ntihx. Ftaħt il-pakkett u ħadt l-ewwel waħda. "Illa, dawn x'togħma għandhom?" Dawwarthom u qed narahom wisq kannella biex ikunu shortcake. Inħares lejn il-pakkett u għandhom miktub "Digestive" fuqhom. Jaqq, jien ma rridx insir xwejħa minn issa! Ippruvajt niekol il-biċċa ta' fuq taċ-ċikkulata u rnexxieli, imma tfarrket il-biskuttina u tar il-frak f'għajnejja u probabbli għad għandi frak mikroskopiċi tal-biskutini jitbeżżqu mal-ilma ta' għajnejja. Jaqq. Nista' noffri lil ħija issa, hux...

Waqt l-Eżami

Tidħol fil-kamra u ftit li xejn taf in-nies li hemm fiha. Issib in-numru u tpoġġi bilqiegħda. Tipprova ma tagħmilx ħsejjes, imma s-siġġu minn dawk is-siġġijiet tal-ħadid li jkun hemm il-każin. Toħroġ l-affarijiet biex tikteb ismek u n-numru, u jibdew jeqirdu, ġieli bl-Ingliż biex suppost ma jħossuhomx inferjuri, u ġieli bil-Malti għax hekk komdi. Xwejħa daqt se taqagħlha d-dentatura tgħid,

"Mela, you put your mobiles in the bag, and switched off please! Do not leave them on. And important as well, your index number, write it down on the front of the paper, ok? Għax importanti dik."

Ok, mhux l-ewwel eżami dan.

Qegħdin waqt l-eżami. Beda. Kulħadd jippanikja, u jien niċċassa għal xi kwarta. Ix-xwejħa tħares lejja bl-ikrah għax għaliha ma naf xejn. Niċċassa fix-xejn u tqum minn fuq is-siġġu għax taħsibni qed nara minn ta' quddiemi li tikteb qisu nemel. Din ta' quddiemi għandha l-mobile jixgħel taħt il-bank. Ivvibra. Ħadd ma induna ħlief l-istudenti. Iċċekjatu bejn saqajha. Tajjeb, tajjeb wisq. Imnalla qgħadt attenta għalija xwejħ - dik it-tifla li għandha misluta ma' mneħirha qisha baqra, liebsa għala biebha, u ilha tagħmel storbju għax ilha tisgħol minn x'ħin daħlet u ttella' l-bili u jkollha tiblagħhom.

Nibda nikteb. Tiġi tippassiġġa ħdejja u nħossha tħarisli lejn il-karta. Kulħadd kiteb qisu nofs faċċata u jien għadni nibda. Ibqa' miexja, bhima. Ġew jiċċekjaw in-numru u ħafna nejk. Għala qalu biex niktbu n-numru jekk xorta jduru jiċċekkjawh? Siegħa wara. Ta' quddiemi għandha ftit minn daharha jidher. Qed tħokku. Għandha ponta. Tħokkha. Faqatha u ħiereġ id-demm. Grazzi ħafna. Għamilt dawra ħamra u fin-nofs għandek boċċa likwida.

Armajt bil-ħelu u qed inħaxwex. Nieħu ħelwa u noqgħod insoffha. Tat-tuffieħ. F'minuta gdimtha u kiltha. Niftaħ oħra. Aħjar inkompli. Inħoss is-suba' tan-nofs jintefaħ bl-għafsa tal-mikteb. Tiela' boċċa. Il-ponta ta' quddiemi diġà nixfet. Għaddej il-ħin u weħilt. Sagħtejn wara, bdew jitilqu l-istudenti. Waħda tmur it-toilet. Din marret ilbieraħ ukoll. Għal waqt l-eżami żżommha l-bewla dejjem, jew forsi qiegħda bih. Il-ħaġa hi li fl-istess ħin marret, għax kien hemm l-istess studenta li telqet naqra kmieni.

Ġiet lura. Ma tantx damet, meta ssoltu t-toilets tan-nisa jdumu xi kwarta. Ma nafx x'jagħmlu u għala jdumu. Forsi jirranġaw il-makeup għax jagħmlu hemm isfel ukoll? Ma tantx idum ma jsir ħin li xi nofs siegħa wara titlaq din li marret tbul. Fishy. Ħarġet oħra t-toilet waqt li ttajjar il-pala ta' idha fl-arja. Ok, ilbieraħ għamilt l-istess ħaġa - kulħadd għajja jikteb.

Wieħed mix-xwejħin jixrob bix-xufftejn tal-bażuti li għandu. Hu u ftit min-nies jgħollu rashom 'il fuq mal-ħoss tal-Isprite li sejħilna. L-oħra għandha straw fil-bott tagħha. I kemm int petita, tgħollix subgħak iż-żgħir 'il fuq ukoll waqt li qed tixrob?

Baqa' ftit minuti u qed nikkonkludi. Kwart tal-klassi diġà vojta, u x-xwejħa moħħhom biex kulħadd jitlaq 'il barra għax xebgħu aktar minnha. Nagħlaq il-karta u tiġi ħdejja għax taħseb li lesta. Inħobb nilgħabha dil-logħba, waqt kull eżami. Noqgħod nilgħab bil-karta u x-xwejħa tqum minn fuq is-siġġu għax taħseb li jien lesta. Ħaħa! Ibqa' miexja biex ma taqax għan-nejk. Wara li tagħmilha xi erba' darbiet jieqfu jagħtu kasek, u meta veru tkun trid tagħti l-karta, ikollok tagħmel sinjal. Jien inħobb inħares fiss f'għajnejhom, imbagħad inħares lej' il-karta tiegħi. Imbagħad jiġu huma. Lesta.

Monday, May 2, 2011

Storja Iżraeljana

Xi sentejn ilu mort Israel ma' ħija l-għażiż. Ma niftakarx f'liema ġurnata u fejn kien il-post li seħħet din il-ġrajja imma niftakar li ma tantx konna familjari mal-post. Il-grupp kollu kien ħareġ mill-kowċ u qalulna biex naraw dal-ħanut. Ftakart - konna x'imkien fejn il-Ġordan, għax l-istorja għandha x'taqsam mal-Baħar il-Mejjet.

Dħalna f'dal-ħanut u kellu minn kollox, minn barra ikel (niftakar għax kelli l-ġuħ). Kellu qorq magħmul mill-ġilda tal-ġemel li kienu jintnu seba' pesti, fwejjaħ, kremi tal-ġilda, u koċċ imbarazz ieħor. Jien, ħija u seħibna konna qegħdin f'rokna nitħaddtu dwar dawn il-prodotti. "Wrinkle-free", kellu miktub. X'ħin tal-ħanut (li ħa nirreferu għalih bħala "Ahmed") ra li ġew turisti fil-ħanut tiegħu, qam minn fuq is-siġġu u qagħad idur biex jagħmel naqra bejgħ. Ħasibna boloh u ġie ħdejna.

Beda jdejjaq lil ħija biex jixtri u qallu "You love yar mamm. Yes?" U ħija wieġbu li iva, u Ahmed qallu "Then this yu should hav vor her! Yes. Take it." Dal-bott kien xi €50 u jekk kien fih daqs rawta ta' kelb.

Ħija, biex jipprova jeħles minnu qallu, "No, if I buy this for my mother, she'd think that I'm telling her she's getting old." U ma fehmux tal-ħanut, allura ħija rrisponda mingħajr daqstant kontrazzjonijiet. U tal-ħanut assigurah li ommu kienet se tħobbu aktar minn qabel u li l-krema ma tagħmlekx tixjieħ, għax kellha xi ħmieġ mill-Baħar il-Mejjet. Wara xi ħames minuti parlata, ħija qallu li mhux interessat li jixtri dan il-prodott. Ahmed qabad aftershave u pprova jbiegħlu dan, imma ħija malajr waqqagħlu l-argument billi urih l-erba' sufiet li għandu fuq geddumu.

Ahmed dar fuqi, u jien għidt "Hawn aħna!" Ħasibni iktar belha minn ħija, meta infatti kieku sabbattu mal-art, u bilt fuq wiċċu, kont numiljah inqas. Reġa' bl-istess mod biex nixtri dan il-prodott li jneħħilek jew ma jagħmillekx tikmix. X'ħin smajtu jgħid "mother", kemmixt wiċċi, għamilt ta' bir-ruħi qisni se ninfaqa' nibki, u b'leħen imbikkem għidtlu "My, my mother is dead."

F'qalbi kont qed inċapċap u nsabbat saqajja mal-art u nogħxa bid-daħq, għax l-espressjoni ta' fuq wiċċu u l-apoloġija wara l-oħra li bdiet ħierġa minn fommu kienu wisq - imma b'xi mod ikkontrollajt u wiċċi baqa' serju. Flgħaxija ċempilna 'l ommna u qed ngħidulha x'ġara, u ħadet għaliha...

Tuesday, April 26, 2011

X'naħseb li ġagħalni

Jien imrobbija f'familja, kif naqbad inpoġġiha, reliġjuża, "Kattolika, Appostolika, ħaġa waħda mal-Missier"? Insomma, minn żmien żgħoriti 'l hawn inbidlu ħafna affarijiet. Pereżempju kont nisma' Radju Marija meta kelli xi seba' snin; programm partikulari - "L-Arka ta' Noe". Bħal daż-żmien, fl-Għid, missieri kien sabli silta mill-Bibbja, kienet titħaddet dwar il-qawmien ta' Kristu, biex inċempel fuq dan il-programm u waqt li nsemma' leħni, insemma' l-Kelma t'Alla. Jien u nistenna biex inkun nista' nitkellem live fuq il-programm, minħabba li l-Bibbja qisha tifel oħxon il-ħin kollu jiekol, ingħalqet u ma kelli ebda idea minn fejn kienet meħuda s-silta li kelli naqra.

Dak il-ħin bl-iktar leħen ħelu u kalm nisma' "Ħello, min hemm fuq il-linja?" Dak il-ħin blajt bżieqti u għidt kull kelma ħażina li kont naf (probabbli "koko" u "pipi"). Infxilt u qbadt u ftaħt paġna rqiqa bl-addoċċ waqt li għidtilha li rrid naqra silta mill-Bibbja. Staqsietni minn fejn hi meħuda, u kont naf kif - problemi ta' xejn. Insomma, apparti li din is-silta ma kellha xejn x'taqsam mal-Għid, għaffiġtha u d-dagħa ta' Malti li ħareġ minn fommi dakinhar nisħtu. Kieku jivvintaw magna biex tmur lura fil-passat, nidħol fiha, u noqtol lili nnifsi, imma mbagħad ma jkunx possibbli, għax immut jien fil-futur u ma nkunx nista' mmur verament fil-passat. Interessanti. Insomma, din hi s-silta:

(Prov 26:4-12)
Tweġibx lill-iblah skont bluhatu, biex ma tkunx bħalu int ukoll. Wieġeb lill-iblah skont bluhatu, biex ma jaħsibx li hu xi għaref. Min jibgħat lill-iblah jagħmillu xi qadja, ikun qed jaqta' riġlejh u jixrob l-inkwiet. Bħar-riġlejn imdendla ta' wieħed zopp, hekk proverbju fuq fomm l-iblah. Bħal min jorbot iż-żrar mal-iżbandola, hekk hu min jagħti ġieħ lill-iblah. Bħal xewka f'id wieħed fis-sakra, hu proverbju fuq fomm l-iblah. Bħal min itajjar il-vleġeġ fuq kull min jgħaddi, min jinqeda bl-iblah u s-sakranazz. Bħal kelb li jerġa' jiekol dak li jaqla', hekk l-iblah li jtenni bluhatu. Qatt rajt wieħed jidhirlu li hu għaref? Hemm aktar tama għall-iblah milli għalih.

Kif taħseb li qrajtha jien? Ħassejt kull hakka li teżisti. "Bluhatu" qrajtha "bluħatu" - u tissemma' kemxa mhux ħażin. F'kelma waħda għamilt alliterazzjoni ta' /ħ/ żul minn hawn - 'abbli għax sħitt ħajti. B'xi mod ħallietni naqraha, u jien ma nafx meta kelli nieqaf. Imbagħad waqqfitni meta bdiet tħoss repetittivament leħni jirtogħod. Min-naħa l-oħra tal-kamra stajt nisma' 'l familti kollha togħxa u titnejjek bija waqt li jgħajtu "X'inhi taqra dik?!" Dan naħseb hu wieħed mill-aktar mumenti umiljanti f'ħajti, imma li forsi dawwalni fl-istess ħin. Forsi f'xi univers parallel ieħor, ma ingħalqitx il-Bibbja u mhux qed nistudja l-Malti. Min jaf...

Friday, April 22, 2011

Iż-Żmien

Mill-fergħa ħarġu z-zkuk, miz-zkuk ħarġet fjura, u mill-fjura ħarġet il-frotta. Il-bajda faqqset f'għasfur. Ħareġ farfett mill-fosdqa. Saret kutra mis-suf tan-nagħaġ u l-bebbuxu ħareġ għan-nida ta' flgħaxija. L-għeneb iffermenta u sar inbid.

Imma l-frotta mdewda, l-għasfur waqa' mill-bejta u ħatfitu qattusa, u l-farfett ħareġ b'ġewnaħ imkisser. Il-kutra nħarqet u l-bebbux intrifes iqarmeċ fid-dlam tal-lejl, misħuq mal-bankina. L-inbid ħżien u sar ħall. Għadda wisq żmien u l-affarijiet inbidlu għall-agħar. Xejn ma għadu li kien. Stajna nsalvaw dik il-frotta milli tiddewwed u nikluha, il-bebbuxu milli jitkisser, u nixorbu l-inbid qabel ma sar ħall u kellna ċ-ċans biex niġbru lil dak l-għasfur. Imma xejn ma ġara minn dan. Il-ħajja tkompli. Id-dud kiel u xeba', bħalma kiel il-qattus minn fuq l-għasfur.

Tuesday, April 19, 2011

Il-Jien

Għadni ma nafx min jien u ma naħsibx li għad xi darba nasal għal konklużjoni. Jien ma nifhimx lili nnifsi, wisq aktar lill-bniedem. Jien nisgħol, jien inweġġa' u nitweġġa', jien nitqalleb, jien inħokk, jien neżisti - bħalma teżisti ħuta fil-baħar, bħalma jeżisti lapes fuq il-mejda, bħalma jeżisti l-Kaljċu fil-ġebla Maltija. Jien għandi leħen ikellimni f'moħħi u ġieli ma jħallinix naħseb sew, u ġieli nkellmu. "Jien ħafna nies". Jien vulnerabbli ħdejn tank tal-gwerra. Jien b'saħħti ħdejn bebbuxu. Jien inħobb ninżel in-niżla, imma nidejjaq nitlagħha. Jien nhewden fuq l-inqas ħaġa. Jien belha, għażżiena u nħobb nitratieni. Inħobb nitfissed imma nidħol f'argumenti u ġlied ma' nies li nħobb. "Cogito ergo sum". Jien naħseb, għalhekk jien ma nistax norqod.

Sunday, April 17, 2011

Riħa ta' qrusa

Ilbieraħ kont l-aħħar ġurnata xogħol, u kont waħdi, għalhekk kien hemm nies mhux ħażin. Ħin minnhom ġiet waħda bil-problemi f'xi magna, u mort nara x'inqala'. Riedet tilgħab "Tekken" ma' waħda oħra fl-istess ħin. Hi u tkellimni qed ngħid "Illostra x'riħa tinten ta' remettar għandha din." U ma tajtx kas.

Beda jsir il-ħin u mort nagħlaq it-toilets, u erġajt xammejt din ir-riħa ta' vomtu. Dort u nara wieħed jitmiegħek fuq bank b'waħda ttaptaplu dahru, u ħdejhom kien hemm għadira kusksu mmerraq. Mort fuqha u għidtilha biex joħorġuli 'l barra, imbagħad waqt li qed naħseb bejni u bejn ruħi, għidt, "Jekk se jitilqu 'l hemm se jkolli nnaddaf jien". Ġrejt inġib roll tal-imsieħ blu oħxon, tajtulha f'idha, u għidtilha "Ħa, imsaħ."

Ħarset lejja bl-ikrah u qantli "Tajt mhux ħa nnaddfu jien. Mela jien naf innaddaf ir-remettar?" Għax issa qed jagħmlu l-korsijiet tal-Kunsill kif għandek tnaddaf ir-remettar! It-tifel qalli xi ħaġa hekk "Imma bdede gii żemm." Għidtilha li bħalma kien jaf isir hekk, jafu jnaddfuh. Ressaqtilhom żibel ħdejhom biex jarmu kollox fih u kulħadd qed iħares lejhom. It-tifel jogħrok u jirrimetti fl-istess ħin. Mort nagħlaq it-toilets u għoddejt ħames sekondi u erġajt dort, u rajthom se jaħarbu. Għajjattilhom u reġgħu ġew jimsħu bħal kurnuti.

It-tifla kienet qiegħda fuq il-mowbajl u qalet "Ija, Ma, we're soon coming home istra."

U x'għamilt jien? Għollejt leħni biex jinstema' mill-mowbajl, "Ejja naddfuh issa dar-remettar, mhux tiġu hawn u tħallu dil-mandra!" Ħarsitli ħafna bl-ikrah dit-tifla. Ħafna. Jekk taraw tifla kollha mbenġla llum, minħabba fija.

Insomma, anzi neħħew ħafna mill-ispagetti mqatta', aċituż, qares u ma kienx għadu jidher daqshekk mal-art. Ma kellix xi tip ta' fwieħa biex intaffi mir-riħa ta' tqalliegħ li kien hemm, allura qbadt żewġ bottijiet li nnaddfu l-ħġieġ bihom u qgħadt nisprejja fl-arja ta' fejn kien hemm ir-remettar. Spiċċajt bis-sabiħ, le?

Sunday, April 10, 2011

Imma ma nistax

Għandi aptit nintelaq fuq is-sodda, nitgħawweġ u nirrombla bħall-ħanżir l-art u norqod raqda twila li jekk ma nqumx, aħjar; nintilef fl-abissi tax-xejn. Nagħlaq għajnejja u nara baħħ, u f'dan il-baħħ nieħu gost għax pass lura u pass 'il quddiem ikunu l-istess ħaġa. Nintilef mill-eżistenza. Nintilef mill-jinijiet ta' ġo fija, imma fl-istess ħin moħħi jobżoq dawn il-jinijiet u nispiċċa noħlom u nqum imħassba. Tiġini l-apatija għax ma nistax nikkontrolla lili nnifsi. Aħjar kont veru l-ħanżir l-art, nintefa' taħt bankina għall-umdità u forsi jisħaqni xi tajer tal-karozza, xi sieq ta' xi ħadd, jew jiġi jgerrimni xi pespusu; għall-inqas inkun ta' użu, jekk xejn - trab għall-ħamrija, mhux ħela ta' spazju, ħela ta' ċelloli, ħela ta' arja. x-b-għ.

Saturday, April 9, 2011

Dundjan u klawstrofobija

Agħżaq ġo fija bħalma l-bidwi jagħżaq fil-ħamrija. Iddriljani bħal jackhammer fil-konkrit. Faqqagħni bħall-injam ifaqqa' f'ħuġġieġa. Ilgħaqni bħall-ġelat iqattar fix-xemx; bl-għaġla imma bil-mod. Ħabbatni bħall-mewġ qawwi mal-blat bir-raxx itir. Bħaċ-ċagħka titqabbeż f'wiċċ il-baħar. Aħtafni bħall-iljun jaħtaf iċ-ċerva minn għonqha. Qattagħni bħal meta l-qattusa tiegħi kienet tniffed difrejha mat-tapit. Imlini bħalma ommi timla d-dundjan fil-Milied tant li jkollha tħitu. It-tajers tal-karozza jħokku mal-art. Il-far jidħol fit-toqba. Il-fenek iħaffer il-ħofra. In-naħla tħaffer fiċ-ċentru tal-fjura għall-pollinu għax imlebilba għal naqra għasel. Idħol bħal meta tidħol fil-kamra ta' taħt it-taraġ biex tleħħaq sa ġewwa.Int qiegħed fuq l-għatba. Il-bieb miftuħ; idħol. Hemm. Hekk. Tgħidlix li int klawstrofobiku għax ma nemmnekx.

Tuesday, April 5, 2011

Kulħadd jitkellem waħdu

Kienet kwieta waħidha, u mort biex nagħtiha qatgħa minn wara. Jien u miexja nkiss inkiss, smajtha thewden "Jaqblu ta', eżatt jaqblu dal-purtieri mal-kulur tal-ħajt; jgħidu li jridu." U mort minn warajha u ħsadtha - mhux biss bil-qatgħa imma għax indunat li qbadtha titkellem waħidha. U nfqajt nidħaq biha. Mhux l-ewwel darba li qbadtha titkellem waħidha.

Għalija kulħadd jitkellem waħdu, tifel ta' għaxar snin, mara xwejħa ta' tmenin sena u fuqhom, u anki jien. Ma niddejjaqx ngħidha. Ma nafx għala, imma li titkellem waħdek, fis-soċjetà ħafna drabi titqies bħala xi ħaġa li jagħmluha n-nies li m'humiex f'sikkthom. Hawn min jagħmilha ovvja, oħrajn qas jintebħu li qed jagħmluha, waqt li oħrajn jagħmluha f'qalbhom u jien nipprova naqra x'qed jaħsbu bl-atti li jkunu qed jagħmlu.

Pereżempju, dal-aħħar inkun fuq tal-linja nosserva l-azzjonijiet tan-nies. Rajt waħda tgerfex fil-basket. U f'qalbi għidt li din qed tfittex xi ħaġa. U bdejt ngħid, forsi ċ-ċwievet, il-mowbajl? Ħarġet iċ-ċwievet. Dak il-ħin, f'moħħha kienet qed tgħid xi ħaġa hekk probabbli: "Fejnhom iċ-ċwievet? Daħħalthom jien? Il-liba tgħidlix li se nibqa' barra llejla." U meta sabithom probabbli moħħha qal "Fjuw".

Ġieli nkun għand tal-ħanut ħdejn xeba xkafef, u naqbad lil xi ħadd jitkellem waħdu "Fejnu t-ton taż-żejt? Le, dan tal-brine." U nħares b'ħarsa stramba lejhom, u jiħmaru. Li titkellem waħdek tgħajjat mhix ħaġa tal-mistħija, qas li qed tgħid kemm int imxennaq għal ħaxja - hemmhekk forsi tkun naqra imbarazzanti l-ħaġa.

Fuq kollox jien hawnhekk qed nitkellem waħdi. Jien u ntektek bit-tastiera qed nitkellem waħdi. Int, waqt li qed taqra, qed titkellem waħdek u qed tgħaddi kummenti dwar dak li qed tisma' f'moħħok. Facebook stess jgħidlek bi kliem ħelu "What's on your mind?", minflokk, "Tkellem waħdek - kulħadd jagħmilha". M'iniex ngħid li Facebook qanqal dan il-bżonn biex il-bniedem jitkellem waħdu. Il-bniedem stess qabbad dan il-bżonn lilu nnifsu, għax imxennaq għal komunikazzjoni ma' xi ħadd jew xi ħaġa. Sieħbi li naħseb ikellem 'il-ħut tiegħu, jien li numanizza lill-għasfura, Tom Hanks f'Cast Away ikellem lill-ballun u saħansitra jagħtih isem, u ommi li tagħti ġudizzju dwar il-purtieri li se tfassal.

Wednesday, March 30, 2011

Nitħassarni

Xi darba konna żerriegħa, u kibret f'xitla ċkejkna, imma waqt li kienet qed tħaxxen iz-zokk tagħha, int sħaqtha mal-ġebel tal-ħamrija bil-qiegħ taż-żarbun. Ma tajthiex ċans tieħu naqra sustanzi jew tistenniha tkabbar il-weraq tagħha biex tilqa' aktar xemx.

M'għadniex niltaqgħu u mnalla. Jekk narak, bid-daqqa li 'ntik nibagħtek lura fil-passat meta qatt ma kont tafni; niltaqa' miegħek, inkabbar iż-żerriegħa u nisħaqha meta int tkun qed taħsibha li qed issir xitla b'saħħitha. Ma rridx nimpika miegħek, kulma rrid li tħoss dak li ħassejt jien minħabba mġibtek, ja bhima - qas bhima ma ħaqqha taqa' għal-livell tiegħek. Bhima aktar innoċenti minn bniedem. Il-bniedem magna tal-ħażen.

Tuesday, March 22, 2011

Sellum Żlugat

Ħajti sellum twil żlugat u għadni f'nofsu. L-ewwel passejn ħassejtni eċitata għax ħa nleħħaq għal dak li nixtieq. Illum, jien u tielgħa nħossu jixxengel qisu ħa jinqasam fi tnejn u joftoqni. Jekk nagħmel pass 'l isfel waqt li nħares taħti, inħossni negħleb lura. Irrid bilanċ. Irrid li s-sellum ikun sod aktar ħalli b'hekk nitla' u nleħħaq faċilment għal dak li qas naf x'hemm. Inħoss li l-injam tas-sellum ittiekel maż-żmien, u dak li jwaħħad l-injam f'daqqa dejjem qed jitmermer. L-imsiemer jissaddu u għada pitgħada s-sadid jitfarrak. Il-kolla qed tixjieħ. X'inhu l-punt li nitla' dan is-sellum, meta naf li l-pass aħħari tas-sellum se jwaqqagħni u jsabbatni mal-art? U waqt li naqa', idejja jiddemmaw u jitniffdu bl-iskald, u negħleb lura u ninstabat fuq is-sinsla ta' dahri, u s-sellum b'daħqa fuq fommu, jinżel b'sabta, jaqa' fuqi u jidfinni fil-baħħ etern ta' din l-art.

Sunday, March 20, 2011

"Tnejn f'toilet wieħed qegħdin?"

Kont ili xogħol mis-sitta, u għal xid-disgħa qabditni bewla. Ma kellix aptit immur fit-toilets tal-istaff u noqgħod nieħu ċ-ċwievet u ħafna ċuċati, għalhekk mort f'tan-nies komuni, hekk jew hekk niċċekjahom. Dħalt u waqt il-kaskata, nisma' żewġt ilħna, wieħed ta' tfajla u l-ieħor ta' ġuvni. U dawn qalu hekk:

"Nidħol?"
"Ija ejja idħol, m'hawn ħadd."

Waqt li qed intella' l-qalziet, ħallejt ftit sekondi biex nisma' xi bieb jingħalaq. Ħassejt il-passi resqin aktar, daħlu f'xi toilet, u ingħalaq il-bieb; sakkru. Ħriġt, u baqgħu siekta. Inżilt kokka u ħarist 'l isfel u nara żewġ pari saqajn; żarbun tal-Fredy Perry ta' daqs wisq kbir biex ikun ta' mara, u takkuna. Kienu qed iħarsu lejn xulxin, mill-qagħda taż-żraben. Ħabbat bħal belha.

"Hawn xi ħadd ħie", qantli b'leħen b'naqra tensjoni. Weġibtha ok, taparsi kont waħda li ridt nagħmel pipi, u stennejt sekonda, imbagħad fil-pront, għidtilha

"Intom tnejn f'toilet wieħed qegħdin?"

U l-leħen tal-ġuvni qalli "Ija ħie". Wieġeb il-ġuvni, x'ħaseb? Għax tkellem hu se ngħidlu, "ok ħie, komplu ġerru 'l xulxin jew iġbdu jew x'qed tagħmlu."

Għidtlu, "mhux aħjar toħorġu minn hemm, mela?"

Ħarġet it-tfajla tiddefendi lilha nnifisha, u qantli "X'qed nagħmlu ħażin?"

Għidtilha, "Mela, ħa ngħidlek, l-ewwel nett dan it-toilet tal-bniet, it-tieni tidħlux tnejn f'toilet wieħed." U ħarsitli dik il-ħarsa li li kieku konna f'xi bar kienet tonxorni minn xagħri (kien fiha d-doppju tiegħi), iżda kienet taf li kelli raġun u ma setgħetx tmissni.

Il-ġuvni ħareġ iħokk għajnu u qal lit-tfajla "Ma nafx fejn qiegħda, ma nistax noħroġha." Jaħasra, kellu xi ħaġa f'għajnu ara, miskin. M'hemmx mera fit-toilet iblah, mhux ta' b'xejn kellek xi ħaġa f'għajnek.

It-tfajla daret lejh, qantlu, "Ejja mmorru x'imkien ieħor ara", waqt li tatni ħarsa kerha. Jien ħaristilha billi għollejt ix-xagħar ta' fuq għajnejja 'l fuq u b'ħarsa li kienet qed tgħidilha "Mhux ħa taħxu hawn. Barra!"

Friday, March 11, 2011

Aħjar għaliha...

Inżilt minn fuq is-65 u miexja lejn id-dar. Il-'Conimex' kien miftuħ u dħalt nara x'għandu. Dort il-ħanut u kelli tliet oġġetti f'idejja; dik li tħokk il-ġobon, juice kbir, u crunchie. B'kollox kienu jammontaw għal xi €5. Lil tal-ħanut staqsejtha jekk taċċettax card u wara li ħarset u kkalkulat kemm jiġuni l-imbarazz li kelli fuq il-bank qantli, "Iva, imma minn €7 'l fuq". (Forsi vera)

Numru perfett, mhux hekk? Ma tantx hu perfett. Kulma kelli 10c fil-portmoni u xi ċuċati jiġru fil-basket, għalhekk għidtilha "Ħm, orrajt. Um, ħa mmur niġbed minn haw' wara mela." Qas biss ikkalkulatni u kompliet tistokkja. Minn dejjem kien idejjaqni dal-ħanut. Ħriġt 'il barra u mort niġbed. Jien u miexja bdejt ngħid li jien nista' naqbad u nibqa' sejra dritt id-dar, imma ma ridtx inkun tan-nejk. Ġbidt, u miexja għal ħanut. Dawn kienu l-ħsibijiet li berrnu f'moħħi:

Stenna naqra, jien tan-nejk? Minn mindu biex tħallas bil-card trid tkun €7? Dik qantli hekk biex mingħaliha li se nżid xi ħaġa oħra max-xirja biex nonfoq aktar! Il-massimu li ġieli staqsewni kien ta' €5, u ġieli ħallast anki €3 bil-card. Moxt ommha. Idejjaqni dak il-ħanut u min jaħdem fih. Nisa ħoxnin li ma għandhomx x'jagħmlu d-dar allura sabu xogħol. Eyebrows li niftakarhom imnittfa u issa taparsi jiżbgħuhom, żaqq ta' nies mimlija apatija u dwejjaq fuqhom, u leħen li jimbuttak iktar mir-riħa tinten li jkollu dak li jpoġġi ħdejja fuq tal-linja. U x'jiġifieri qantli "imma", sinjalli li kienet taf li jiġuni inqas minn €7, sinjalli għoddiet kemm jiġuni b'kollox bejn wieħed u ieħor f'moħħha.

Erġajt ftakart x'kont se nixtri, u ndunajt li bilkemm stajt niftakar. Dan fisser li ma kellix bżonn l-imbarazz li kont se nixtri fl-aħħar mill-aħħar. Dawwart denbi għal darba oħra, ħadt mixja itwal biex ma ngħaddix minn quddiem il-ħanut, u wasalt id-dar. Sibt juice tal-larinġ fil-boxroom, ftaħtu u ferrajtli tazza.

Tuesday, March 8, 2011

Mahogany

Ili nitħaddet miegħi nnifsi biex niżbogħ xagħri. Fl-aħħar iddeċidejt li nixtri l-kulur mingħand l-ispiżjar. Inżilt isfel u ma kellix aptit nimxiha. Dħalt fil-garaxx u kien hemm missieri jilgħab bl-injam; jagħmel xi bieb. Bit-turrun karozza li hemm fil-garaxx, ma stajtx ngħaddi bir-rota, għalhekk kellu jgħini.

Waqt li qed jgħini daħħal konverżazzjoni biex ma jkunx hemm dak is-skiet imkisser bil-ħsejjes tar-roti jqarmċu maċ-ċana li kien hemm mal-art. "Fejn sejra?" staqsieni. U għidtlu. Qalli biex nitla' taż-Żwejt. Għidtlu li żebgħa tax-xagħar, mhux żebgħa mingħand taż-żebgħa. Qalli, "Le, le, mhux pharmacy trid? Veru orrajt, jaqdini tajjeb jien." Għidt u ija, hekk jew hekk insuqlu naqra bir-rota.

Tlajt hemm fuq u qantli li temporary hair colour ma jeżistix (għax ma kelliex). Ħaristilha taparsi nemminha, xrobtilha naqra informazzjoni dwar iż-żebgħa tax-xagħar, u tlaqt 'il barra. Inżilt it-triq kollha tal-main road u wasalt fl-ispiżerija li ridt. Ipparkjajt u dħalt.

Staqsejt għall-istess speċifikazzjonijiet waqt li ħriġt il-laptop biex nuriha ritratt, u qantli li ma kellhiex oranġjo. Minflok ġibt Mahogany. Wasalt id-dar u misseri qalli x'kulur se niżbgħu. Għidtlu "ma rridx ngħidlek għax toqgħod teqred", u wara li insista, għidt li hekk jew hekk mhux se jkun jaf x'kulur hu. "Mahogany" għidtlu.

"MAHOGANY?!" Qalli. Ħaristlu sorpriża għax ħsibtu mhux se jkun jaf. "Mahogany. Użgur li naf. Qisek qaħba ġejja bih! Mahogany? Aħmar ta' jiġi! Aħmar! Għandi l-bibien isfel, ejja arahom - bħal dawk!" Fittixt il-kelma "Mahogany" fuq google images, u ħlief għamara ma ġietx! Xorta żbajtu, u għoġobni.

Friday, March 4, 2011

L-arroganza li tirkbek.

Ilbieraħ ridt immur B'kara. Mill-Imsida jgħaddu ħafna għal hemm. Ġiet il-47 u tlajt fuqha. Ma kontx ċerta jekk tgħaddix minn hemm u għalhekk saqsejt lix-xufier waqt li ħallast għall-biljett. "Din tgħaddi minn B'kara, jekk jogħġbok?" U ma kellimnix. Leħni kien jinstema' imma erġajt saqsejtu, forsi ma semagħnix.

Dar fuqi, qalli "Mhux ovvja li tgħaddi minn B'kara? Mhux kollha minn hemm jgħaddu daw'?!" F'qalbi bdejt ngħid, eee se jkun arroganti dan jiġifieri? Tajjeb, tajjeb wisq; two can play at that game.

Weġibtu, "Jien kemm saqsejtek jekk tgħaddix minn B'kara jew le. Ma naħdimx ma' tal-linji, allura ma nafx minn fejn tgħaddi - le". Ħadt il-biljett, wara li tani l-bqija tat-3c li bħala prinċipju nibqa' nistennieh, dort u mort insib post.

Forsi kellu ġurnata ħażina, forsi kien bin-nieqes, forsi rani antipatka, forsi kien għejja fuq ix-xogħol. Forsi, forsi. Waqt il-vjaġġ mill-Imsida għal B'kara qgħadt naħseb fuq dak li seħħ. Messni ma waqajtx għal-livell tiegħu u baxxejt lili nnifsi għal nies bħalu, imma mbagħad bdejt naħseb naqra aktar fil-fond.

Ġieli jkolli ġurnata hekk jien fuq kollox, meta kollox idejjaqni. Meta anki nasal id-dar u ommi bil-ħlewwa kollha ssaqsini jekk irridx aktar patata u jien nweġibha b'din l-istess arroganza "Jekk irrid aktar, naf nieħu jien." Jew anki niġi mistoqsa l-istess domanda minuta wara l-oħra fuq ix-xogħol; "Dawn il-biljetti x'nagħmel bihom?" U jkolli nispjega l-proċess kollu ta' x'għandek tagħmel bil-biljetti, waqt li l-arroganza tkun qed tisplodi ġo fija "DAĦĦALHOM F'SORMOK!"

Imma l-bniedem ġellied, allura kelli nwieġeb lix-xufier bl-istess tonalità ħalli ma niksirx il-liġijiet tal-bniedem ħażin.

Sunday, February 20, 2011

L-allat u l-bniedem

Ninsab bilqiegħda quddiem il-mejda u ressaqt xi affarijiet, u b'riżultat ċaqlat il-bowl fejn għandi l-fekruna. Din, mat-tgħeżżiża, qamet, u l-ilma baqa' jiċċaqlaq. Imbagħad għollejt rasi 'l fuq, għadda ħsieb minn moħħi u ġejt biex nikteb hawn.

Immaġina li l-fekruna hija int (qed nassumi li int bniedem) u xi ħadd ċaqlaq l-"akwarjum" tiegħek, li jiġi l-baħar. Dak jiġi maremot, le? Jew tsunami; skont kemm tkun b'saħħita d-daqqa. Kull darba li tagħmel ix-xita, l-allat ikunu qed jisuttaw lil xulxin bl-ilma; bil-water pistols. Dar-rifnu kollu li għamel jumejn ilu? - Dawk l-allat jonfħu għax frustrati minħabba li qed jistudjaw għall-eżamijiet.

Il-manna hi ħobż li tkun f'ħalq l-allat u meta jagħtsu joħorġu dawn il-ħbejżiet ċkejkna u l-bniedem imur jikolhom... Il-kometi, li aħna ngħidu li jaqgħu mill-ispazju, dawk huma rmied tas-sigaretti u ma nafx xi jpejpu aktar l-allat. Meta jgħidu li tagħmel ix-xita tal-ħut, dawk ikunu l-gerwiel li qabdu f'xi sajda u jitfgħuhom lura. Ix-xita tal-ħamrija? Ikunu qed jissuttaw lil xulxin b'ċertu rimi tagħhom, u l-umdità kolla li għandna Malta hija s-saħna li għandhom fuqhom l-allat.

Friday, February 18, 2011

L-eżistenza tilgħabni

Filli qiegħda f'tal-linja, filli ninsab insaħħan l-ikel fil-microwave u mad-ding tal-qanpiena niġi f'sikti. Inpoġġi fuq il-mejda niekol bil-kwiet, mingħajr ma nixgħel id-dawl u nibqa' niċċassa. Dak il-ħin moħħi jkun qed jaħseb fejn kont, konxjament; meta sa ftit minuti qabel kont qiegħda bilqiegħda f'tal-linja. Nibqa' niċċassa, għax bilkemm niftakarni nitla' t-taraġ tad-dar.

U dal-aħħar qed tiġri ħafna. Filli niftakarni naqbeż u niġri wara l-ballun u nilgħab il-gym, f'daqqa waħda nsib ruħi fil-klassi, kollni għaraq. Xejn. Niftakarni li nkun imxejt barra, dħalt mill-kantina, u tlajt it-taraġ, imma qisni mhux jien kont. Qisu kien hemm xi ħadd li wassalni s'hemm u poġġieni bilqiegħda fuq is-siġġu li nkun fuqu. Spażmi ta' autopilot. Forsi qed inkun wisq aljenata naħseb dwar il-kollox u x-xejn?

Ir-reazzjoni ta' meta nsir konxja dwar li jkun għadu kemm ġara tkun xi ħaġa hekk. Mhux din biss li ġġagħalni nireaġixxi b'dan il-mod. Pereżempju nkunu qed nitħadtu dwar xi ħaġa u f'daqqa waħda jkolli memorja li ma għandhiex x'taqsam. Memorja li tmur lura għaż-żmien meta kont inqum ngħum fil-bewl tiegħi stess. Jew noħlom xi ħaġa, u malli nqum niftakar xi ħolma speċifika li kont noħlom kontinwament meta kont f'żgħoriti jew anki ta' xi erba' snin ilu, u b'xi mod nipprova nagħmel konnessjoni mal-ħolma li jkolli, imma ma nkunx nista' nsib il-pont ta' fejn dawn il-ħolmtejn jitgħaqqdu flimkien.

Memorji bħal dawn jikkonsistu jien id-dar ma' ħuti. Nilagħbu billi nimmaġinaw li nkunu qegħdin fil-baħar u jkun hemm ix-xarks (naf li klieb il-baħar) allura ma nkunux nistgħu mmissu l-art, u jkollna naqbżu minn siġġu għal ieħor inkella "nitilfu", jew konna naqbdu tipi ta' metall differenti u "ndoqqu" bil-frieket u skieken, jew nirrekodrjaw lilna nfusna taparsi aħna tar-radju u nagħmlu lħna differenti. Tiġini l-istampa tal-Cornflakes imbeżżlaq u mifqugħ għax ikun ilu jgħum fil-ħalib u jitgħaġġen u jkun qisu minestra minflok. Imbagħad immur dritt niflaxxjah fil-loki biex ma naqlax għajta, wara li nkun qgħadt nilgħab bih bl-imgħarfa. Kultant inħossni niftakar wisq affarijiet banali. Niftakar episodji preċiżi ta' xi tnax-il sena ilu; jien u ħija nilagħbu mal-kuġina fil-bitħa tan-nanna billi nitfgħu l-labar fil-kannestru u kull darba nersqu pass lura. Imbagħad affarijiet aktar essenzjali jdumu biex jidħlu f'moħħi żmien u għomor.

Meta jiġrili hekk, li hi mill-inqas ħames darbiet fil-ġimgħa (ħolm jew memorji li jkunuli insignifikanti), immur lura u nara x'għamilt li qanqal dawn ir-ritratti f'moħħi. Ma nkun missejt xejn mill-passat, ma nkunx rajt ritratti, ma għandix oġġetti fil-kamra li huma antiki (apparti li ma tantx għandi tiżjin u żufjetti).

Kultant inħossni wisq ċkejkna biex nifhem dal-logħob. Kultant inħoss li moħħi ma jagħmilx parti minni, li huwa ħaġa għalih, li ma nistax nikkontrollah kif irrid meta suppost huwa tiegħi. Jekk għandi bott tal-ilma quddiemi u ngħid lili nnifsi biex ma niftakarx fil-bott tal-ilma, xorta nġib quddiem għajnejja l-bott tal-ilma. Nipprova nagħmel stampa oħra f'moħħi; riga, imma xorta wara l-istampa ta' riga jkun hemm dak il-bott speċifiku, hemm, imċajpar.

Ma nafx. Xi tkun, ja moħħ kumpless?

Thursday, February 17, 2011

Kitbiet tal-passat

Meta l-iżvog isirlek bżonn. Meta il-bżonn isir il-prijorità. Ħajtek tisfaxxa fix-xejn u l-ħin jiżloqlok bħall-ilma jgelgel, bħar-ramel minn bejn subgħajk, bħar-riħ jagħrax lill-ħaxix xitwi. Niftakar fik u titla' t-togħma qarsa ta' remettar. Ma nafx fejn sejra b'ħajti, imma naf ħaġa waħda; li mhix sejra fl-istess direzzjoni tiegħek u dan biżżejjed. Irrid nidfen il-passat, isir terremot u l-imgħoddi jidħol f'qiegħ id-dinja fejn jinħaraq għal dejjem. Int inbdilt aktar minn għenba friska għal żbiba niexfa, aktar minn karta bajda li issa saret irmied iswed.

Saturday, January 29, 2011

Osservazzjonijiet f'Paċevill

Kellna aptit ħarġa żgħira u morna nduru. Ħabibti marret tbattal u waqt li stennejtha tajt ħarsa madwari. Grupp ta' tfal żgħar bejn it-tlettax u l-erbatax-il sena jħokku ġisimhom u jippruvaw iżommu sew fuq it-takkuna. Bħalma jiġri kważi dejjem, it-tfajliet lebsin skomdi għall-aħħar, imma l-aqwa li jkunu ppruvaw jidhru l-isbaħ fost il-ħut l-oħra fl-akwarjum, u s-subien b'biċċa żarbun komdu, qalziet u qmis jew flokk u ejja ħa mmoru. It-tfajliet jiżfnu naqra u ma' kull ħames minuti joqogħdu jġebbdu l-libsa 'l isfel għax tkun qed titla' 'l fuq u jkollhom l-koxxa ta' sormhom ħa tibda tidher. Mhux daqstant interessanti.

Għalhekk, indawwar ħarsti, u nilmaħ grupp ta' nisa b'wiċċhom kannella bil-foundation u l-irtokk kollu li għamlu biex jippruvaw jgħattu t-tikmix li diġà beda jidhrilhom. Wiċċhom kollu ħofor qishom it-toroq ta' Malta u bix-xoffa ta' fuq imtaqqba. Libsu msielet tant kbar li l-kelma "imsielet" tilfet is-sens tagħha. Imsielet tant kbar jekk jidħlu bihom ġo guva l-għasafar jibdew jiġġieldu minn se jirkeb il-bandla. Xagħarhom hu nofsu tagħhom u nofsu le. Imlibbsa flokk inkaxxat li jħalli dik in-naqra ta' ħxuna tat-tqala ta' xi tletin sena ilu mqabbbża imma jħallu l-Kanal ta' Swejs jidher ħalli jpatti tal-ħxuna. Ħarist lejn wiċċhom u ftakart li dawn kienu l-istess nies li rajna fil-lift.

Xħin għalaqna l-lift smajna koċċ għajjat. Aqqalleċċ, infetaħ il-lift u kienu daħlu huma. Storbju; qishom tfal tal-primarja ħarġu l-ewwel darba ma' tal-iskola u kollhom eċitament. "Tantx tgħidli li kelli l-bra jidher ta int Madonna!" L-oħra li wkoll kellha l-bra jidher qantilha "Ħeq ara ħa noqgħod ngħidlek. Ġibhom 'l hawn ħa nerdagħhomlok", qantilha waqt li temmgħathom ma' wiċċha. Wiċċi tqarras u x-xagħar ta' fuq għajnejja għola 'l fuq . Bqajt b'din l-espressjoni fuq wiċċi sakemm ħriġna minn dak il-lift li kienu għadhom kemm żverġnaw b'fommhom, però jaf ra u sema' affarijiet agħar.

Huma ma għarfunix. Jew għarfuni imma ma setgħux jiftakru minn fejn. Jew 'qas intebħu bil-preżenza tiegħi. Kollha kienu koroh. Kienu minn dawk il-Maltin li tara għand tal-ħaxix, b'leħinhom kollu sigaretti maħnuq, xagħar iswed tuta. Minn dawk li fis-Sajf imorrulek il-baħar bil-ħwejjeġ li bilkemm jiġuhom ħalli kollox jidher akbar.

Mal-ġenb nara wieħed b'ħalqu miftuħ bħal meta ljun jilmaħ ċerva u jkun iridha bejn idejh jigdmilha għonqha u jbiċċirha. L-iljuni sbieħ, imma dan ma kienx. Fil-fatt qabbiltu mal-iljun ikrah f'ta' Lion King. Kellu d-daqna ta' maħmuġ u kien għadu jħarsilhom kollu kilba. Raġel sħun anki jekk tagħtih għoxx marid ta' baqra wkoll ideffes il-membru tiegħu fih. Waqt li kien qed jixrob, kellu lsienu maħruġ 'il barra jilgħaq it-tazza. Għajnejh ukoll bdew jilagħqu lil dan-nies koroh seba' dagħwa. Wara ftit rajtu riesaq lejhom. Ħabibti ġiet lura mil-loki u tlaqna 'l hemm.

Sunday, January 23, 2011

Hawx għaaaaliha!

Kont miexja għad-dar mill-maħdem. Tlajt it-taraġ ta' Paċevill li minjaf kemm kiel remettar f'għomru, irħejtilha għall-venda u tajtha għal isfel f'dik in-niżla ta' qabel il-"Love". Bix-xalla mgeżwra m'għonqi, b'idejja ġol-bwiet tal-ġakketta, u biż-żipp tal-ġakketta mtella' sa fuq, imxejt ngħannaq lili nnifsi. Żgħażagħ inkonxjament ixenglu x-xorb f'idhom u b'għajnejhom ħomor daqs tadama misjura.

Jien u nimxi, nilmaħ waħda ċaflanga jżommuha xi tliet min-nies; bejn għax ħoxna, u anki għax maħta waħda sew. L-art kienet tiżloq. Kienu f'tarf il-bankina. Dawk li kienu qed iżommuha ma kinux aħjar minnha. It-tfajjel, li aħjar insejħulu "maskili" (għax tfajjel għalija hu meta jkun hemm wieħed fih qabda), waqt li jipprova jżomm bilanċ bejn x'qed tgħidlu siequ x-xellugija ma' x'qed tgħidlu siequ l-leminija, qal "haaaaaww maannn, ħa npoġġi x'imkien għax ħa naqa' mal-art taaa'". Telaq lill-mara tal-fertilità u tkaxkar bħal serp biex iżomm ma' xi taraġ li kien hemm. It-taraġ kien jiżloq. L-art kienet tiżloq. Spiċċaw iżommu liċ-ċaflanga żewġ tfajliet irqaq għuda minn dawk li jilbsu brazzuletta bħala ċintorin. L-istikek ma felħux lil ħabibthom-una.

Iċ-ċaflanga waqgħet minn fuq il-bankina. Koxxtejha l-imlaħħma, jew aħjar l-imxaħħma għolew 'il fuq qishom bnadar waqt mass meeting. L-istikka żelqet żelqa qisha ħadet rikba fuq xi slajd tal-iSplash and Fun u ġibdet tnej' bil-Madonna hi u tiżżeraq. Ippruvat tqum. Ollej irnexxielha! Ovvjament irranġat xagħarha u tfarfret mill-ħmieġ li ntreda' mal-libsa sewda li kellha nkaxxatha mal-għadam tagħha, u ppruvat tibqa' dritta mingħajr ma terġa' tieħu żelqa.

X'għamilt jien? Rajt li ħadd ma waqa' fuqi, u rringrazzjajt lill-art imxarrba talli żelqitli tbissima fuq fommi. Tgezzizt aktar, qanfidt rixi u komplejt triqti.

Thursday, January 6, 2011

Il-kisba tal-mard

Mami: Isma' issa allura trid tiekol qabel dawn il-pinnoli?

Jiena: Iva, mela. Ma smajtux it-tabib qalli biex nieħu xi salad jew hekk? Eżatt bħal dak li għamiltli.

Mami: Vera? Jien ma smajtux. Kif kien jaf x'għamiltlek?

Jiena: Le, jien qed ngħidlek bħalu imma milli beda jsemmi kien simili hux.

Mami: Qe orrajt, issa nerġa' nagħmillek ieħor.

Jiena: U bil-ġewż ukoll qalli.

Mami: Hekk qallek?!

Jiena: Qe mela!

Mami: Mhux vera!

Jiena: Ħaaħaħħa, le le mhux vera.

(Lanqas ma qalli biex tagħmilli salad, imma la ħa tagħmilli mhux ħa ngħidlek)

Mami: Orrajt mela mbagħad inżel kulu.

Jiena: Imma t-tabib qal biex kemm jista' jkun ma noqgħodx ħdejkom, allura aħjar ittellgħu hawn fuq.

Mami: Uħħħ, orrajt. U ħa mmur nixtri l-pinnolli issa u nibqa' sejra għand tal-ħaxix.

Jiena: Ok, ixtrili 'Bitter Lemon'.

Mami: Bitter Lemon?

Jiena: Qmħ, u agħmilli naqra Ġulepp tal-ħarrub ukoll.

Mami: Ok is-salad wara li niġi ħa nagħmlu imma, għax inkella joqgħod igerger għax ma jilħaqx iġibli l-kaxxa.

Jiena: Mela lil Bertu għidlu "L-ewwel il-familja, imbagħad int!"

(Inħares b'wiċċ isfar ta' marida, b'għajnejn imdemmgħin biex forsi taċċetta din ukoll.)

Mami: U mhux hekk ħa ngħidlu...

(Fine, this will be a win-win situation!)

Jiena: Ok mela. Aħjar ħalli tkun tista' tilħaq tixtri affarijiet friski għal mas-salad!

Issoltu m'iniex daqshekk antipatka, imma taf kif inhi dik il-ħaġa meta omm tkun trid lil uliedha f'saħħithom u minħabba li mhumiex, tkun tridhom ferħanin? Jien skoprejt dan il-fenomenu minn mindu kont żgħira. Qabel konna nieħdu 'soft drinks' il-Ħdud biss, imma meta jkun hemm xi ħadd ma jiflaħx jinfetaħ is-7up tal-ġimgħa li tkun ġejja, u jekk ma jkunx hemm, imorru jixtru. Waqt l-uġigħ ta' żaqq u stonku u r-remettar u t-taqlib mal-art meta jkolli xi gastric flu, kont nisma' l-kliem "'Tiha naq'a 7up issa." Kont nitbissem u nirremmetti bil-qalb.

Waqt li l-ġenitur imur jixtri l-pinnolli u l-misturi bżonnjużi, kien jgħaddi għand tal-Merċa u jixtri affarijiet oħra, bħal galletti, aktar soft drinks; ħafna affarijiet hekk. U meta tkun ma tiflaħx fuq kollox, mhux tkun qisek erġajt mort fiż-żgħorija; indipendenti fuq min hu f'saħħtu?